Jiġi mniedi ktieb dwar il-ġrajjiet tas-Sette Giugno

DOI / SPK

Read in English.

Ktieb ġdid dwar il-ġrajja tas-Sette Giugno ġie mniedi l-Ħamis. Il-ktieb bl-isem ta’ Remembering Sette Giugno 1919 huwa miktub Alexander Cutajar li huwa studjuż tal-istorja u għalliem fil-Kulleġġ ta’ Sant Injazju. Il-ktieb kien ippubblikat mill-Parlament ta’ Malta b’kollaborazzjoni ma’ Kite Group Co. Ltd.

Għat-tnedija li saret fil-Parlament kien hemm preżenti l-Ispeaker Anġlu Farrugia, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo, il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar, il-Professur George Cassar u l-awtur tal-ktieb Alexander Cutajar. Huma indirizzaw it-tnedija tal-ktieb.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia sostna li l-Parlament ta’ Malta jixtieq li jikber l-għarfien fost il-Maltin dwar is-sinifikat tal-ġrajjiet tas-Sette Giugno 1919. Farrugia saħaq li dawn il-ġrajjiet influwenzaw l-iżvilupp politiku u demokratiku f’Malta.

Wara ċ-ċerimonja l-Ispeaker għamel għotjiet kemm tal-ktieb Remembering Sette Giugno 1919 ta’ Alexander Cutajar kif ukoll publikazzjonijiet oħra maħruġa mill-Parlament ta’ Malta lill-iskejjel pubbliċi u lill-iskola Mater Boni Consigli ta’ Raħal Ġdid.