‘Jiġi minn Gaddafi’, taparsi tefa’ bomba u ħarab

Dalgħodu, raġel ta’ 38 sena prova jaħrab mill-Qorti meta ħareġ mill-Awla u mbotta żewġ uffiċjali oħra. Huwa twaqqaf minn għadd ta’ uffiċjali fil-kuritur tal-Qorti.
Ir-raġel li jgħid li jiġi mid-dittatur Libjan Muammar Gaddafi qed jiġi akkużat li rreżista l-arrest b’mod vjolenti, hedded u weġġa’ gravi uffiċjal tal-Pulizija, li ma obdiex mill-Pulizija, li rrifjuta li jagħti d-dettalji tiegħu u li kiser il-paċi pubblika.
L-Ispettur tal-Pulizija qalet li l-Ġimgħa filgħodu, ir-raġel aġixxa b’mod stramb meta mar fl-Ambaxxata Franċiża u taparsi xeħet bomba. Tispjega li r-raġel mar biex jipprova jakkwista passaport Franċiż. Meta ma ħax li ried, hu u ħiereġ taparsi xeħet bomba (grenade).
Ir-raġel, li jgħid li huwa tabib, ħarab mill-post u nqabad ftit metri ‘l bogħod mill-Ambaxxata Franċiża fil-Belt Valletta, wara li l-uffiċjal għassa mal-Ambaxxata pruvat twaqqfu iżda flok obda, ir-raġel kissrilha subgħajja.
Minħabba l-imġiba tiegħu, il-Maġistrat ordnat lir-raġel biex jiġi eżaminat għand psikjatra. Wara diskussjonijiet dwar fejn kellu jinżamm, il-prosekuzzjoni u d-difiża talbu flimkien biex ir-raġel jinżamm fis-Sala Forensika fl-Isptar Monte Karmeli.