Jiggradwaw 400 uffiċjal pubbliku

DOI - Clodagh Farrugia O'Neill

Din is-sena mal-400 uffiċjal pubbliku ggradwaw mill-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li dawn l-uffiċjali temmew kors b’suċċess f’diversi oqsma fosthom fil-public procurement regulations, public management toolkit u l-foundation course fil-customer care.

Għall-ewwel darba din is-sena, iggradwa l-ewwel korp ta’ 41 student li kisbu degree fil-Public Projects (mal-MCAST) jew degree fl-Amministrazzjoni Pubblika (mal-Università ta’ Malta).

Intqal li l-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi ġie mwaqqaf fl-2016 bl-Università ta’ Malta u l-MCAST bħala msieħba strateġiċi tiegħu. Tul dawn l-aħħar tliet snin, mill-Istitut gradwaw b’kollox 850 uffiċjal pubbliku, u n-numru ta’ gradwati din is-sena rdoppja mill-2016, fejn kienu ggradwaw mal-254 uffiċjal.

In-numru ta’ uffiċjali pubbliċi li ġew imħarrġa mit-twaqqif tal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi mis-sena 2016, illum jammonta għal aktar minn 34,000 persuna.