Jiġġeddu l-permessi għall-qlugħ ta’ siġar minn Manoel Island

Steve Zammit Lupi

Read in English.

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ġeddet il-permess għall-qlugħ ta’ siġar minn Manoel Island.  Dan sar f’żewġ permessi differenti li huma fost is-sitt permessi li ġew ikkunsidrati mill-Bord tal-ERA f’laqgħa li saret ilbieraħ.

Fi stqarrija, l-ERA qalet li l-applikanti tal-permessi NP0125/20 u NP0126/20 intalbu jħawwlu 150 siġra indiġena biex jagħmlu tajjeb għas-siġar li se jinqalgħu. L-ERA ma qalitx l-ammont ta’ siġar li se jinqalgħu.

Permess ieħor li ġie approvat kien dak tax-Xlendi fejn il-ħidma li qed issir għall-parkeġġ aħjar se twassal biex jinqalgħu total ta’ 65 siġra li 40 minnhom se jerġgħu jitħawwlu f’post ieħor. Intqal li f’dan il-każ se jitħawlwlu 48 siġra ġdida biex jikkumpensaw għall-25 li ma jistgħux jerġgħu jitħawwlu.

L-ERA kkonfermat ukoll il-permessi ambjentali għal tibdil f’permess għal popa tal-petrol fir-Rabat, Għawdex, ħanut tal-ħasil u dry cleaning f’Għawdex u permess għaż-żamma ta’ skart perikoluż f’Ta’ Għadajma, fl-Mqabba.