Jiġġarraf ħajt ta’ blokka ta’ appartamenti fi Gwardamanġa

Read in English.

Ftit tal-ħin ilu ġġarraf ħajt ta’ blokka appartamenti fi Gwardamanġa, ħdejn sit ta’ kostruzzjoni. Newsbook.com.mt ikkonferma dan ma’ kelliem għall-Pulizija. Il-każ seħħ fi triq Mimoża għall-ħabta tat-8am.

Il-Pulizija ntalbet tmur fuq il-post, flimkien ma’ membri mit-taqsima tal-Protezzjoni Ċivili u ambulanza.

Fir-residenza kien hemm xi persuni li mal-inċident, ħarġu barra mid-dar. Il-Pulizija kkonfermat li r-residenti rnexxielhom joħorġu waħedhom mid-dar u ħadd ma weġġa’.

Aktar dettalji malli jaslulna.

Inqas minn ġimgħa ilu waqgħet binja fil-Mellieħa, fejn għal xi ħin ukoll li hemm mara maqbuda fost it-tiġrif. Jidher li l-mara nstabet u nħarġet mit-tiġrif.

Aktar kmieni din is-sena, iġġarfet binja oħra, din id-darba fil-Pietà fejn fil-bini kien hemm aktar minn erba’ persuni. 

Is-Sindku Keith Tanti mar fuq il-post tal-inċident u spjega kif is-sitwazzjoni hija fluwida. Hu qal li qed jagħmlu fiċ-ċert li r-residenti għandhom l-affarijiet essenzjali, jiġifirie x’jixorbu u x’jieklu. Se jkunu qed jipprovdulhom ukoll post fejn jorqdu tul il-lejl. Hu qal li fejn hemm bżonn se jkun qed jagħmel li jista’ biex jgħin.

It-triq reġgħat infetħet għat-traffiku għall-ħabta tal-10:00am.