Jiġġarraf ajruplan Russu fis-Sirja; imut kulħadd

Ajruplan Russu tat-trasport iġġarraf fis-Sirja, bis-26 passiġġier u s-sitt persuni tal-ekwipaġġ imutu kollha.
Il-Ministru Russu għad-Difiża qal li l-ajruplan, Antonov-26, iġġarraf fil-bażi tal-ajru fi Hmeimim, qrib il-belt kostali ta’ Latakia, xħin kien nieżel.
Ir-Russja qed tgħid li ma kienx hemm traċċi ta’ xi attakk, u aktarx xi ħsarat tekniċi kkawżaw it-tiġrif u sussegwentament il-mewt ta’ 32 persuna.
Dan kien it-tieni inċident simili b’ajruplan Russu Antonov fl-aħħar jiem, wara li x-xahar li għadda 71 persuna tilfu ħajjithom meta l-Antonov 148 ta' kumpanja tal-ajru Russa sparixxa minn fuq ir-radar ftit minuti wara li qala’ mill-ajruport ta’ Domodedevo.
Hu magħruf li fl-aħħar tas-sena li għaddiet, ajruplani Russi tal-gwerra f'Heimim kienet saritilhom ħsara wara attakk mir-ribelli.
Din il-bażi hi magħrufa għall-attakki Russi fuq ir-ribelli, attakki li għenu bil-bosta lill-President Sirjan, Bashar al-Assad, biex jirkupra territorju mitluf.
Hemm ix-xnigħat li l-attakki Russi ħallew ħafna nies ċivili mejta, għalkemm ir-Russja dejjem ċaħdet u qalet li t-terroristi biss huma fil-mira tagħha.