Ritratti: Jikkraxxja ajruplan f’Kuba; 100 mejta

Aktar minn 100 persuna nqatlu wara li ajruplan ikkraxxja f’Kuba.
L-ajruplan kien għadu kemm telaq minn Havana ftit tal-ħin biss qabel ma waqa’ u kkawża wieħed mill-agħar diżastri tal-ajru f’Kuba għal dawn l-aħħar 30 sena.
L-ajruplan tal-passiġġieri kien qed jagħmel vjaġġ intern għal Holguin fil-Lvant ta’ Kuba.
Abbord l-ajruplan kien hemm 105 passiġġier, inklużi ħamest itfal, u magħhom kien hemm xi membri tal-ekwipaġġ.
Jidher li ħamsa mill-passiġġieri kienu barranin. Fost il-persuni li tilfu ħajjithom hemm tnejn Arġentini u għadd ta’ Messikani.
Il-President ta’ Kuba, Miguel Diaz-Canel qal li n-nar li ġie kkawżat mill-waqa’ tal-ajruplan kien intefa u l-awtoritajiet qed jaħdmu biex jidentifikaw l-iġsma tal-persuni li mietu kawża tal-inċident, kif ukoll x’kien li kkawża l-inċident. 
Kuba ddikjarat perjodu uffiċjali ta’ luttu li beda’ fis-6am tal-lum u se jibqa’ għaddej sa għada f’12pm.
Ritratti: Reuters