Jigdmuh u jkissrulu sinna; 11-il ġurnata l-isptar

Il-qorti ordnat li r-raġel li safa agredit tliet snin ilu, jingħata eluf ta’ ewro bħala kumpens mill-aggressuri. Fl-2015, il-vittma fetaħ kawża ċivili kontra żewġ irġiel minħabba li kissrulu sinna u għamel 11-il ġurnata l-isptar minħabba ġrieħi li sofra f’idu.

Jidher li l-argument inqala’ dwar biċċa negozju bejn iż-żewġ partijiet li kienu qed iwasslu lit-turisti permezz tad-dgħajjes lejn Kemmuna. In-negozjanti ġew fl-idejn minħabba li argumentaw dwa min kellu jieħu l-vjaġġ b’xi grupp ta’ turisti li niżlu minn fuq il-vapur ta’ Għawdex. Kawża tal-ġrieħi, il-vittma żviluppatlu infezzjoni u għamel xi żmien ma jistax ikompli bin-negozju tiegħu.

L-espert appuntat mill-qorti qal li l-vittma sofra diżabbiltà permanenti ta’ 10% minħabba marki fil-wiċċ u fuq driegħu. Il-qorti laqgħet it-talba tal-vittma u l-agressuri ġew ordnati jħallsu €16,455 f’kumpens.