Jigdimha l-qattus “bi żball” u tipiċċa b’infezzjoni kbira f’idha fl-Ingilterra

Tifla ta’ sitt snin minn East-Yorkshire fl-Ingilterra kienet qed tilgħab mal-qattus tagħha Tigger meta aċċidentalment gidimha u ħalliha ssofri minn infezzjoni serja li setgħet twassal anke għall-mewt tagħha.

Ma’ ġurnali internazzjonali, omm Alice, Chantelle Hudson, irrakkuntat kif bintha waddbet il-ballun tal-qattus u ġrew flimkien sabiex jaqbduh. It-tifla qabdet il-ballun l-ewwel imma l-qattus mar ħa jaqbad il-ballun ukoll bi żball gidem id it-tifla minflok. Sostniet li l-qattus ma kienx qed ikun aggressiv imma kien biss qed jilgħab.

Hudson qalet li ndunat li bintha weġġgħet għax semgħetha tgħajjat, imbagħad il-qattus telaq jiġri. Qalet li ħaslet il-ġrieħi tat-tifla taħt l-ilma kiesaħ u għamlitilha l-ispirtu. Jumejn wara hi ħaditha l-isptar għax l-uġigħ baqa’ dejjem jiżdied. Minn hemm spiċċat fit-trauma unit fejn ġiet infurmata li erba’ minn tliet daqqiet ikkawżati mill-gidma ġew infettati.

Huma ndunaw bl-infezzjoni għax it-tifla ma bdiet tħalli lil ħadd imiss idha. It-tobba qalu li t-tifla kellha l-infezzjoni magħrufa bħala Pasteurella, li hija speċi li tgħix f’ħalq il-klieb u l-qtates. Il-batterja tista’ tidħol fil-ġisem kawża ta’ qtugħ fil-ġilda kkawżata minn gidma jew girfa ta’ xi annimal.

Is-sintomi ġeneralment jibdew ħerġin wara 24 siegħa u jirriżultaw f’infieħ, ħmura, sħana fuq il-parti kkonċernata u li l-ġilda tirtab. Wieħed jista’ anke jitlalu d-deni. Il-kumplikazzjonijiet jistgħu jinkludu artite, osteomyelitis u tenosynovitis. Wieħed jista’ jsofri minn pulmonite, infezzjonijiet fil-passaġġ tal-awrina, meninġite, infezzjoni fid-demm jew infezzjoni fl-għajnejn.

It-tifla kellha tgħaddi minn operazzjoni twila siegħa fejn tneħħew it-tessuti li ġew affetwati f’idha. Hi imbagħad ingħata antibijotiċi għal 48 siegħa. Imbagħad intbagħtet id-dar u ntalbet tieħu l-antibijotiċi għal ġimgħatejn.

Omm Alice irrakkuntat kif il-qattus bħal donnu kien jaf li kien hu li kkawża dan kollu lit-tifla u ma ħallihiex minuta waħeda. Qalet li kien jersaq lejha b’rasu baxxuta, bħal donnu ddispjaċut.