Jiġbru ikel u prodotti neċessarji għal dawk fil-bżonn

Diversi parroċċi b’inizjattivi ta’ għajnuna

Canned-foods-industry-in-decline

Il-Parroċċa tal-Imġarr ħabbret li flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Imġarr qiegħda torganizza Foodbank sabiex jiġu megħjuna dawk li b’mod speċjali minħabba l-pandemija tal-coronavirus spiċċaw bla xogħol u allura mhux ilaħħqu mal-ħajja.

Dun George Schembri, il-Kappillan tal-Imġarr qal li twaqqaf kumitat żgħir propju bil-għan li tiġi kkordinata din l-għajnuna.

Hu wera l-apprezzament tiegħu li n-negozji tal-Imġarr aċċettaw li kaxxi apposta jitpoġġew fil-ħwienet tagħhom biex ikun jistgħu jinġabru l-prodotti neċessarji. Qegħdin jinġabru għotjiet biex jinxtraw l-affarijiet neċessarji għall-ikel. Barra minn dan il-kumitat, qal Dun George, qiegħed iħeġġeġ permezz tal-mezzi soċjali, biex in-nies jagħtu każ ta’ min hemm madwarhom.

Lista ta’ prodotti neċessarji

  • Ħobż
  • Għaġin
  • Ross
  • Ċereali (cornflakes)
  • Ħalib tal-pakkett long-life
  • Ħalib tal-Bott
  • Te/Kafè
  • Kunserva
  • Zokkor
  • Bottijiet tat-tadam, piżelli, corn, karotti, ful, fażola eċċ.
  • Corned Beef
  • Zalzett tal-bott
  • Żejt
  • Dqiq
  • Tuffieħ
  • Larinġ jew mandolin
  • Bettieħ
  • Patata
  • Basal
  • Tin imqadded jew tamal
  • Ġewż, karawett, ġellewż eċċ.
  • Zunnarija
  • Bajd  

Għall-Ħasil

  • Sapun tal-platti
  • Trab/likwidu tal-ħwejjeġ
  • Diżinfettant
  • Sapun tal-banju
  • Toilet paper
  • Sanitary Towels
  • Ħrieqi, trab tal-ħalib għat-trabi
  • Deodorant
  • Toothpaste
  • Xampù

“It-tama tiegħi”, temm Dun George, “hi li parroċċi u kunsilli lokali oħra jagħmlu inizjattivi simili. Jalla dawn jixterdu mal-pajjiż kollu. Qegħdin iħeġġu lill-parroċċi  u kunsilli lokali oħra, biex jorganizzaw il-bankijiet tal-ikel tagħhom, bl-isem #Solidarjetà, segwit bl-isem tal-lokalità tagħhom.”

Newsbook.com.mt hu nfurmat ukoll li diversi parroċċi u kunsilli lokali bdew dawn l-inizjattivi b’mod speċjali biex jgħinu persuni anzjani li spiċċaw magħluqa fid-djar tagħhom.

Dawk li jixtiequ jgħinu din l-inizjattiva għandhom iċemplu fuq 2157 2578 jew jagħmlu kuntatt fuq il-paġna ta’ Facebook: https://www.facebook.com/Parrocca-Santa-Marija-Imgarr-Malta-1778615835689543/

Aqsam l-inizjattiva tiegħek magħna fuq info@newsbook.com.mt

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn