Jiġbru fondi biex jixtru 45 konċentratur tal-ossiġnu għal Mater Dei

L-għaqda Save & Support Trust bdiet kampanja ta’ ġbir ta’ fondi sabiex tixtri 45 konċentratur tal-ossiġnu li flimkien jiswew €35,000 u li jistgħu jgħinu ferm il-ġlieda tal-pajjiż kontra l-coronavirus.

Fi stqarrija ġie spjegat li dawn il-konċentraturi tal-ossiġnu jintużaw minn pazjenti li għandhom diffikultajiet respiratorji. L-apparat jgħin lill-pazjenti tal-coronavirus jieħdu n-nifs qabel ma jitpoġġew jew wara li jitneħħew minn fuq il-ventilator.

L-għaqda identifikat kumpanija fir-Renju Unit li tagħmel dawn il-units u qalet li jekk jinġabru l-fondi neċessarji, l-apparat jista’ jkun f’Malta sa Mejju. L-inizjattiva qed tiġi ssapportjata minn diversi entrapriżi u banek maġġuri.

Save & Support Trust hija għaqda li taħdem biex tissapportja kawżi ġusti billi tipprovdi assistenza finanzjarja lil individwi u organizzazzjonijiet li jgħinu lil persuni vulnerabbli fil-komunitajiet lokali. Fl-aħħar snin, it-Trust issapportjat inizjattivi ta’ diversi għaqdiet fosthom il-Caritas Malta, Millenium Chapel, Hospice Malta, Cystic Fibrosis, Prison Fellowship u oħrajn. Donazzjonijiet li jammontaw għal aktar minn €300,000.

Sal-bieraħ, l-għaqda kienet ġabret total ta’ €13,815. Bihom tista’ tixtri total ta’ 17-il konċentratur tal-ossiġnu.

Inti tista tgħin ukoll billi tagħti d-donazzjoni tiegħek minn hawn.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn