Jiġbru €1,500 għal ALS Malta minn pellegrinaġġ bil-muturi f’Santa Marija

Read in English.

Ir-raba’ edizzjoni tal-pellegrinaġġ bil-muturi fil-festa ta’ Santa Marija bejn Ħad-Dingli u l-Imġarr ra l-ġbir ta’ €1,502 għal ALS Malta.

Fi stqarrija l-organizzaturi spjegaw kif fl-aħħar snin, iż-żewġ parroċċi dedikati lil Santa Marija li jiċċelebraw il-festa titulari Ħadd fuq il-15 ta’ Awwissu, ħadmu flimkien sabiex fil-Jum ta’ Santa Marija jiġbru flus għal għanijiet nobbli fil-pajjiż.

Ġie spjegat li l-pellegrinaġġ beda mill-Imġarr, bis-sehem ta’ għexieren ta’ sewwieqa ta’ muturi li segwew rotta li għaddiet minn diversi lokalitajiet biex siegħa wara waslu fil-pjazza ta’ Ħad-Dingli. Tul it-triq huma segwew vann li kellu x-xbihat tal-vari titulari taż-żewġ parroċċi. Il-vann instaq mill-Kappillan tal-Imġarr, Dun George Schembri.

Iż-żewġ parroċċi ħassew li l-attività għandu jkollha wkoll skop ta’ karità u għalhekk is-sewwieqa tal-muturi kienu mistiedna jagħtu donazzjoni b’riżq il-ħidma mwettqa minn ALS Malta fosthom permezz ta’ Dar Bjorn u l-proġett li tinfetaħ dar oħra.

Ħdejn il-Knisja ta’ Ħad-Dingli, l-Arċipriet Dun Mark Mallia Pawley mexxa talba u bierek lis-sewwieqa tal-muturi. Is-sewwieqa ngħataw ċertifikat ta’ parteċipazzjoni u tifkira tal-okkażjoni marbuta mal-400 anniversarju tal-kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu.