Jiġbed poġġaman f’Tas-Sliema “biex jara kemm hu b’saħħtu”

1926 Beach Club / Trip Advisor

Raġel tressaq il-qorti akkużat li għamel il-ħsara fuq propjetà pubblika meta kien xurban.

It-Tnejn li għadda, żagħżugħ ta’ 26 sena minn Wales, li kien qed joqgħod ġo hostel f’Tas-Sliema, għamel il-ħsara f’1926 Beach Club fi Qui Si Sana f’Tas-Sliema.

Meta kien fis-sakra, iż-żagħżugħ ipprova juri kemm hu b’saħħtu u beda jiġbed poġġaman tal-ħadid fil-bajja ta’ Qui Si Sana. Hu rnexxielu jaqla’ l-poġġaman minn postu, u l-ħsara kienet tammonta għal iżjed minn €250.

Huwa wieġeb ħati għall-akkużi.

L-Ispettur tal-Prosekuzzjoni Bernardette Valletta kkonfermat li l-akkużat ħallas lill-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema għall-ħsarat li kkawża immedjatament.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech wissietu li minkejja li kkopera mal-awtoritajiet, dan ir-reat xorta kien se jitniżżel fil-kondotta kriminali tiegħu. Huwa talab skuża għall-aġir tiegħu, u qal li għada sejjer lura d-dar.