Jiftiehmu: It-tfal kollha bi trasport b’xejn għall-iskola

Newsbook.com.mt jista’ jikkonferma li ġie ffirmat il-ftehim bejn il-Gvern u l-fornituri tat-trasport tal-iskejjel tal-Knisja u dawk privati sabiex it-tfal kollha madwar il-Gżejjer Maltin jibda jkollhom trasport pubbliku b’xejn.

Dan ġie kkonfermat minn sors involut fid-diskussjonijiet li spjega li huma infurmati bl-iffirmar tal-ftehim u jinsabu sodisfatti b’dak li ħareġ minnu. Is-sors li hu fornitur tat-trasport pubbliku għal dawn l-iskejjel spjega li l-ftehim se jwassal biex kull kumpanija titħallas l-istess somma ta’ flus għas-servizz tagħhom lill-Gvern. Meta mistoqsi għal aktar dettalji mill-ftehim spjega li ma jistax jidħol f’wisq dettall u li dalwaqt jiġi ppubblikat il-ftehim finali.

Intant, fornitur ieħor spjega ma’ Newsbook.com.mt li kien għadu ma ġiex infurmat bl-iffirmar tal-ftehim inniffsu u li kien qed jistenna li jiġi infurmat bid-deċiżjonijiet finali.

Il-Gvern ikkommetta li se jkun qed jipprovdi trasport b’xejn għal studenti li jattendu l-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti bħala parti mill-manifest elettorali. Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo kien qal fil-Parlament li t-trasport b’xejn se jiġi jiswa lill-Gvern madwar €10 miljun fis-sena. It-trasport b’xejn sa issa kienu intitolati għalih biss tfal li jmorru fi skejjel tal-Gvern.

Newsbook.com.mt ipprova jagħmel kuntatt mal-kelliema għall-Ministeru tal-Edukazzjoni numru konsiderevoli ta’ drabi matul il-ġurnata, madanakollu t-telefonati qatt ma ġew imwieġba.

“Id-Dipartiment tal-Edukazzjoni ma jridx ikellimna” – UPE

Kelliem għall-Unjin tal-Għalliema Professjonali (UPE) sostna ma’ Newsbook.com.mt li ma kellu l-ebda informazzjoni mingħand id-Dipartiment tal-Edukazzjoni hekk kif sostna li għal żmien twil kienu qed jiġu esklużi mid-diskussjonijiet.