Jiftħu n-nomini għall-ewwel unuri diġitali Ewropej għan-nisa

Fetħu n-nomini għall-ewwel unuri diġitali Ewropej għan-nisa u l-bniet.

Dan tħabbar mill-Aġenzija tat-Teknoloġija tal-Informatika ta’ Malta, li tinsab kburija li qiegħda tipparteċipa f’din l-inizjattiva Ewropea.

Fi stqarrija, il-MITA qalet li waħda mill-prijoritajiet tal-European Digital Agenda hi t-tkabbir fil-parteċipazzjoni tan-nisa fl-istudji u karrieri fl-ICT.

Studju lokali li sar mill-MITA juri li 37% biss tal-bniet fl-iskejjel sekondarji jagħżlu l-istudji tal-kompjuter.

Il-European Digital Woman of the Year u d-Digital Girl Awards 2013 huma rikonoxximent għal erba’ nisa u bniet Ewropej li qed jagħmlu differenza fis-soċjetà jew fin-negozju permezz tal-għarfien, l-impenn jew tal-istudju jew karriera tagħhom.

B’kollox se jintgħazlu erba’ rebbieħa Ewropej – waħda minn kull kategorija: 18-il sena jew akbar, 15 sa 17–il sena, 11 sa 14–il sena u dawk taħt l-10 snin. 

Min jixtieq jinnomina lil xi ħadd jew jixtieq li jiġi nnominat għandu jżur mita.gov.mt/digitalawards għal aktar dettalji u jimla’ n-nomina sas-Sibt 31 ta’ Awwissu.

Ir-rapreżentanti Maltin se jkunu magħżula f’Settembru minn bord independenti. 

Wara se jsir filmat ta’ 3 minuti fuq kull rappreżentanta sabiex jakkumpanja n-nomina ta’ kull waħda. 

Ir-rebbieħa Ewropej li se jiġu magħżula minn bord indipendenti ta’ esperti Ewropej se jkollhom l-opportunità li jmorru l-Litwanja f’Novembru għaċ-ċerimonja tal-premjijiet ‘ICT 2013’ organizzata mill-Kummissjoni Ewropea u msieħba oħra.