Jiftħu l-kampjonat tal-għawm: Jispikkaw 6 għawwiema

Ingħata bidu għall-Kampjonati ta’ Birkirkara St Joseph Sports Club – Open Water Swimming. Dan huwa l-bidu tal-istaġun sportiv tal-klabb.
It-tlielaq saru bejn il-fortifikazzjonijiet storiċi fil-Port il-Kbir. Ir-rotta fil-port kienet xi ftit ta’ sfida għall-għawwiema li ħadu sehem. Dan kien partikularment minħabba l-imbatt tal-baħar ikkawżat minn riħ qawwi matul il-ġurnata.
Fil-kategorija tal-irġiel rebaħ Dylan Cachia b’ħin ta’ 26.26 minuta. Warajh segwew Andrè Camilleri u Andrew Sultana.
Il-kategorija tan-nisa ntrebħet minn Sarah Demicoli f’ħin ta’ 29.35 minuta u kienet segwita minn Maya Schembri Rodgers u Susana Novis Santos li kisbu t-tieni u t-tielet post rispettivament.
It-tieni tellieqa ta’ dan il-kampjonat se ssir nhar l-Erbgħa li ġej fis-6.30pm fis-Salina, Baħar iċ-Ċagħaq.
Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mis-sit tal-klabb.