Jiftħu l-applikazzjonijiet għall-programm LEAD

Il-Partit Laburista ħabbar sejħa ġdida għall-programm LEAD, bil-ħsieb li jżid il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika. Dan il-programm issa se jkun qed jidħol fir-raba’ sena tiegħu.

Waqt xandira fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela tkellem dwar il-ħtieġa ta’ vuċi aktar b’saħħitha tal-mara fis-soċjetà u qal li l-Partit Laburista jrid ikun katalista f’dan.

“Il-programm LEAD jiżgura li l-mara tingħata l-pjattaforma meħtieġa biex tagħti l-kontribut kruċjali tagħha fil-politika. Bi pjaċir ninnota li fil-programm LEAD ma ħadux sehem biss tfajliet imma wkoll ommijiet u nisa kbar fl-età, ġejjin minn kull faxxa tas-soċjetà,” qal Abela.

Ħadet sehem ukoll il-kordinatriċi tal-programm, il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli. Miriam Dalli spjegat kif “LEAD huwa opportunità għal dawk it-tfajliet u nisa akbar fl-età biex ikunu parteċipi fil-politika. Is-sabiħ ta’ dan il-programm huwa li tara lil kulħadd jiġi flimkien… Ħafna nisa qed jirrealizzaw li l-Partit Laburista qed jiftaħ il-bibien lil kulħadd. Partit li qed jiġġedded u jirriforma ruħu. LEAD jixtieq li jara aktar nisa li jkunu parti mit-teħid tad-deċiżjonijiet.”

L-applikazzjonijiet ta’ LEAD jitniżżlu billi tagħfas hawn u għandhom miftuħa sas-6 ta’ Settembru.