Jiftħu l-applikazzjonijiet għall-kor f’Għawdex waqt iż-żjara tal-Papa

Read in English.

Id-Djoċesi ta’ Għawdex ħabbret li qiegħda tilqa’ applikazzjonijiet mingħand adolexxenti u żgħażagħ Għawdxin għall-kor waqt iż-żjara tal-Papa Franġisku fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta’ Pinu.

Il-Kumitat Organizzattiv Interdjoċesan taż-Żjara tal-Papa f’Malta ħeġġeġ lil dawk l-adolexxenti u żgħażagħ Għawdxin, partikolarment dawk li jħossuhom ispirati minn Ġesù Kristu u huma mħarrġa fil-kant, biex japplikaw fuq www.papafrangisku.mt/korghawdex.

Dawk eliġibbli huma l-persuni ta’ bejn 10 snin u 50 sena. Imbagħad issirilhom prova. Huma mħeġġa b’mod partikolari l-adolexxenti u żgħażagħ li huma membri attivi fil-parroċċi, iċ-ċentri pastorali u l-movimenti tal-Knisja f’Għawdex.

Il-provi se jsiru fiċ-Ċentru Pastorali Ragħaj it-Tajjeb, Triq Sir Pawlu Boffa, ir-Rabat, nhar il-Ħamis 12 ta’ Marzu bejn l-4pm u s-6.30pm u nhar is-Sibt 14 ta’ Marzu bejn is-2.30pm u l-4.30pm. L-applikazzjonijiet jibqgħu jintlaqgħu sal-Erbgħa 11 ta’ Marzu 2020.