Jiftħu l-applikazzjonijiet għall-iskejjel tal-Knisja

Min-nhar l-Erbgħa li ġej se jifthu l-applikazzjonijiet onlajn ghal 1,564 post vakanti fl-iskejjel tal-knisja, fis-sena skolastika li tibda f'Ottubru tas-sena d-dieħla.
L-applikazzjonijiet jinfetħu nhar l-Erbgħa 16 ta’ Novembru 2016 kemm onlajn fuq is-sit tal-Knisja f'Malta www.thechurchinmalta.org, kif ukoll fid-diversi skejjel tal-Knisja.
Dan il-proċess jiddetermina d-dħul fl-ewwel u t-tieni sena tal-kindergarten, fl-ewwel sena primarja u fl-ewwel sena sekondarja. Fir-regolamenti hemm dettalji sħaħ li jinkludu lista ta’ dokumenti meħtieġa, u ġranet dwar meta wieħed għandu japplika.
F’Novembru se jintlaqgħu l-applikazzjonijiet tal-ewwel kriterju. Dan jinkludi tfal li jinsabu fi djar tal-Knisja, tfal tal-impjegati li jaħdmu fi skola tal-Knisja, aħwa li għandhom ħuthom fi skola tal-Knisja, trasferimenti bejn skejjel tal-istess kongregazzjoni, dawk eżentati mill-attendenza, u tfal li qegħdin fi skejjel tal-Knisja bla kontinwità
F’Jannar u Frar 2017 jintlaqgħu l-applikazzjonijiet ta’ tfal li jew għadhom ma bdewx jattendu skola tal-Knisja jew qed jattendu skola tal-Istat jew indipendenti
Intant għas-sena skolastika li għadha kif bdiet, fl-iskejjel tal-Knisja applikaw 3,715 student li minnhom ġew milqugħa 1,750 fid-diversi livelli.
Filwaqt li ma kienx hemm postijiet biżżejjed għal dawk kollha li applikaw, fl-ewwel sena sekondarja s-subien kollha li applikaw ġew offruti post f’xi skola tal-Knisja.
Ir-regolamenti għad-Dħul fl-Iskejjel tal-Knisja għas-sena skolastika 2017-2018 ġew ippublikati fuq il-websajt tal-Knisja f’Malta www.thechurchinmalta.org