Jiftħu l-applikazzjonijiet għal kors dwar il-kura għall-anzjani

Archives

Il-Faċilità għall-Kura fit-Tul ta’ San Vinċenz De Paul b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta
ħarġet l-applikazzjoni għal kors dwar il-kura għall-anzjani.

Permezz ta’ dan il-kors l-applikanti jiksbu għarfien u anki ħiliet prattiċi sabiex ikunu jistgħu
jassistu lill-professjonisti fil-kura tas-saħħa u jkunu jistgħu jaħdmu b’mod effettiv f’faċilitajiet għal kura fit-tul tal-anzjani.

Dan il-kors, li huwa akkreditat mill-Università ta’ Malta, se jdum għaddej 14-il ġimgħa. Seba’ ġimgħat minnhom se jinvolvu tagħlim prattiku u s-seba’ ġimgħat l-oħra se jinvolvu tagħlim teoretiku. Is-sessjonijiet ta’ teorija se jsiru permezz ta’ preżentazzjonijiet bil-powepoint bl-Ingliż u dawn se jiġu tradotti għall-Malti mil-lettur.

L-istudenti Għawdxin se jkunu jistgħu jsegwu l-lezzjonijiet tat-teorija mit-Training Hub f’Għawdex permezz ta’ Skype.

Is-sessjonijiet ta’ prattika għall-istudenti Maltin se jsiru f’San Vinċenz De Paul filwaqt li s-sessjonijiet ta’ prattika għall-istudenti Għawdxin se jsiru fl-Isptar ta’ Għawdex.

Dawk l-istudenti li jtemmu dan il-kors b’suċċss se jingħataw ċertifikat fil-Kura tal-Anzjani: Teorija u Prattika maħruġ mill-Università ta’ Malta u li huwa ekwivalenti għal MQF Level 5.

Ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex wieħed ikun jista’ japplika għal dan il-kors huma:
• Trid tkun lestejt l-edukazzjoni obbligatorja (jiġifieri sal-Form 5)
• Irid ikollok età minn 16-il sena ’l fuq
• Trid tkun fil-pussess ta’ kondotta tal-Pulizija, riċenti u nadifa
• Trid tkun litterat fil-Malti u fl-Ingliż