Jiftħu inizjattiva legali biex issir ġustizzja ma’ dawk vittmi tal-leak ta’ data

Read in English.

Repubblika u Daphne Caruana Galizia Foundation, żewġ organizzazzjonijiet volontarji mis-soċjetà ċivili, qed jiftħu inizjattiva legali biex persuni li dwarhom inkixfet informazzjoni privata mil-leak ta’ data tas-servers tal-kumpanja C-Planet (IT Solutions) Limited jiksbu ġustizzja.

Persuna li ssegwi data breaches online qalet li database li kienet fiha 337,384 rekordju tal-informazzjoni personali ta’ votanti Maltin ġiet esposta online. L-informazzjoni tinkludi ismijiet, indirizzi, numru tal-karti tal-identità, u numri tat-telefon. Repubblika, fi stqarrija, qalet li l-lista tinkludi wkoll l-intenzjonijiet u l-fehmiet politiċi tal-individwi privati.

L-għaqdiet qalu li dan hu ksur ta’ privatezza u aġir li jikser il-liġijiet dwar il-privatezza ta’ kull individwu. Sostnew li mhux kulħadd irid li l-fehmiet politiċi tiegħu jitperrċu ma’ kulħadd u li huwa raġjonevoli li wieħed jibża’ li seta’ sofra jew se jsofri diskriminazzjoni jew konsegwenzi oħra minħabba dan il-leak li jolqot lil kull min fl-2013 kellu dritt għall-vot.

Intant sostnew li jidher li l-mod kif inġabret, inżammet u tqassmet din l-informazzjoni saret mingħajr il-kunsens tal-parti l-kbira tal-Maltin u l-Għawdxin kollha li qegħdin fid-database u din l-informazzjoni inġabret biex tintuża. Qalu li ladarba l-informazzjoni intużat mingħajr il-kunsens, intużat illegalment.

L-għaqdiet komplew billi qalu li dan mhux biss każ ta’ privatezza, imma wkoll kwistjoni ta’ kif partit politiku, il-Partit Laburista, uża l-ħsad tad-data biex jimmanipula l-proċess demokratiku. Il-Partit Laburista qal fi stqarrija li s-sistema tal-IT msemmija mhix l-istess sistema li għandu l-Partit Laburista. Il-PL qal li għandu s-sistema tiegħu li hija kkontrollata b’mod intern u l-kumpanija kif ukoll id-Direttur imsemmija qatt ma kellhom konnessjoni mal-istess sistema.

L-għaqdiet qalu li l-azzjoni li qed jieħdu hija waħda li tixbaħ class action suit, jiġifieri kawża mmexxija minn rappreżentat ta’ grupp affettwat. Huma talbu lil dawk kollha li jridu jieħdu sehem sabiex jimlew formola li tawtorizza lill-għaqdiet jamministraw l-azzjoni legali. Qalu li m’hemmx bżonn li wieħed ikun membru fl-ebda għaqda biex jimla’ l-formola. Qalu li bil-firma tiegħu, wieħed mhux se jkun qed jiddikjara qbil ma’ kull pożizzjoni oħra li jieħdu l-għaqdiet.