Jiftakru lil Saviour Gaffarena “dejjem bi tbissima fuq wiċċu”

Saviour Gaffarena, iż-żagħżugħ ta’ 27 sena li nqatel b’tir f’rasu żewġ iljieli ilu, ġie deskritt mill-komunità tal-Fgura fejn hu kien iqassam iċ-ċilindri tal-gass bħala “dejjem bi tbissima fuq wiċċu.”

Fil-grupp fuq Facebook tal-Fgurin ġie mfakkar Saviour Gaffarena billi dan kien iqassam iċ-ċilindri tal-gass f’din il-lokalità. Mara kitbet illi ma tafx x’kien il-każ li wassal għall-qtil tiegħu, imma ħeġġet lir-residenti l-oħra sabiex jiftakruh minn kif kien jaġixxi magħhom, billi kien jgħin fejn jista’ u juri rispett lejhom.

Gaffarena kien ma’ kuġinuh Vince Gaffarena, ta’ 17-il sena, f’Ħal Millieri nhar l-Erbgħa filgħaxija meta dawn sfaw vittmi ta’ xi tiri minn arma tan-nar. Vince rnexxielu jsuq sal-Imqabba b’kuġinuh riekeb ħdejh. Huwa kellu tir fuq ix-xellug ta’ sidru u ieħor f’wiċċu, filwaqt li Saviour kellu tir f’rasu u tilef ħajtu fuq il-post stess. Vince ġie operat dak il-lejl stess u sal-bieraħ filgħodu kien jinsab f’qagħda stabbli.

Ftit tas-sigħat wara, il-Pulizija arrestat lil żewġ persuni f’Ħal Kirkop b’rabta mal-każ, u żewġ persuni oħra kienu qed jgħinuha fl-investigazzjonijiet. Dawn l-erba’ persuni huma kollha żgħażagħ ta’ bejn is-17 u l-21 sena. Il-persuni involuti fil-każ kienu magħrufin mal-Pulizija.

Ir-residenti l-oħrajn iddeskrivew lil Saviour bħala bniedem kwiet, dejjem jgħin u jsellem lil kulħadd. Kien ta’ qalb tajba u manjieri tajba. Mara oħra kitbet kif kien saħansitra qatel ġurat li kellha mal-bieb meta talbitu għall-għajnuna.

“La qatt kont tisimgħu jgorr meta jaqbeż lil xi ħadd għall-gass u jkollu jerġa’ jgħaddi, u bi tbissima fuq wiċċu jerġa’ jdawwar. Saħħiet Saviour. J’Alla l-Mulej jaċċettak fi ħdanu u l-poplu tal-Fgura u forsi xi postijiet oħra li kont tmur fihom jirringrazzjak tas-servizz li kont ittina. Strieħ fis-sliem.”

Intant, waqt li ħuha Vince qed jirkupra l-isptar, oħtu kitbet fuq Facebook li kuġinuhom Saviour żgur li ma jridx jarah imur ħdejh. Hija ħeġġet lil ħuha biex jirkupra. Indirizzat lil Saviour u qaltlu li mhu se jintesa qatt u dejjem se jibqa’ f’qalbhom.

Ejjaaaa Vince qum min hemm bro int tifel bsahtek u nemen li ha tqum u terga tkun mana emm il kugin bhalisa jihu hsibek…

Posted by Raisa Quirocdez Gaffarena on Thursday, July 30, 2020