Jiftaħ l-istaġun tal-insib; BirdLife xettika

L-istaġun tal-insib fil-ħarifa se jinfetaħ bejn l-20 t’Ottubru u l-31 ta’ Diċembru ta’ din is-sena għall-insib tal-pluvieri u l-imlievez. Is-Segretarju Parlamentari Chris Camilleri appella lin-nassaba biex ma jiddiżappuntawhx, filwaqt li l-NGO BirdLife Malta kitbet lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkonferma li verament sar qbil bejn is-Segretarjat u l-Kummissjoni dwar dan l-istaġun.

Il-midja lokali wriet tħassib aktar kmieni llum dwar id-deċiżjoni li ħadu l-qrati Ewropej f’Lulju tal-2018 meta għamlet l-insib tal-isponsuni illegali. Camilleri qal li l-ftehim milħuq huwa fil-parametri permessi mill-Kummissjoni Ewropea.

Fil-fatt, din is-sena ġew infurzati regolamenti ġodda suġġeriti mill-Kumitat ORNIS u bi qbil mal-Kummissjoni. Ix-xbieki tal-insib issa għandhom ikunu kbar minn tal-anqas 45 millimetru, mentri qabel kellhom ikunu 30 millimetru. Għalhekk, l-isponsun jista’ jtir minn ġo fihom. Ix-xbieki jridu jkunu mgħottija jew jitneħħew jekk in-nassab ma jkunx preżenti u meta l-insib mhuwiex permess, jiġifieri sagħtejn wara nżul ix-xemx u sagħtejn qabel jibda jżernaq.

In-nassaba jistgħu jużaw post wieħed biss, u mhux tnejn, u kull post jista’ jkollu sa 2 xbieki. Il-kwota għal għasafar li jinqabdu ma tistax taqbeż il-5000 pluviera u 700 malvizz.

Sodisfatti bil-qbil – FKNK

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) esprimiet is-sodisfazzjon tagħha b’dan il-qbil, u wriet il-gratitudni tagħha lejn Clint Camilleri tan-numru ta’ laqgħat li kellu mal-Federazzjoni, u talli qies ix-xewqat tan-nassaba fid-deċiżjoni tiegħu.

BirdLife tikteb lill-Kummissjoni Ewropea

BirdLife Malta qalet fuq Facebook li hija kitbet lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkonferma li verament sar qbil bejn is-Segretarjat u l-Kummissjoni dwar dan l-istaġun, għaliex il-Kummissjoni normalment ma taqbilx ma’ derogi imma titlob ġustifika wara li dawn jiġu implimentati.

Madankollu, l-NGO wriet is-sodisfazzjon tagħha mill-ġdid dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li ma jsirx aktar insib tal-isponsuni.

L-NGO qalet li hi kuntenta wkoll li wara snin titlob għal lista bil-postijiet fejn jistgħu jmorru jonsbu n-nassaba, din se ssir uffiċjali.

It's now official! Parliamentary Secretary Clint Camilleri has formally announced in a press conference that the…

Posted by BirdLife Malta on Wednesday, October 17, 2018