Jiftaħ l-ewwel ħanut Malti f’Tokyo

Il-familja Fujimoto minn Okayma, il-Ġappun, ingħataw il-premju ‘Friends of the Maltese Islands’, fl-okkażjoni tat-30 żjara tagħhom f’Malta.
Dan sar bħala apprezzament għall-isforzi tagħhom biex jispiraw lil ħaddieħor u jgħinu lil ħaddieħor japprezza l-gżejjer Maltin.
Iż-żewġt’aħwa subien, Masaya u Tetsuya, flimkien ma’ ommhom Chiharu huma turisti regolari f’Malta tant li ilhom jiġu mill-1996 u huma sidien ta’ kafetterija fil-Ġappun bl-isem ta’ ‘Tacsum’.
L-isem kien ispirat minn ħbiberija li nibtet ma’ familja Maltija, tant li l-isem huwa ‘Muscat’ miktub bil-kontra.
Fil-ħanut wieħed jista’ jduq ikel imsajjar bil-mod u bil-fwar; riflessjoni tal-karattru Malti li l-familja tgħid li tesperjenza fiż-żjarat tagħha.
Kif wieħed jista’ jara mill-paġna elettronika tagħhom hemm bosta affarijiet relatati ma’ Malta fil-ħanut, u dejjem jirrakkomandaw lil Malta bħala destinazzjoni turistika mal-klijenti tagħhom.