Jiftaħ il-Kampjonat Elite tal-futsal

Joe Borg

Ftit jiem biss wara l-finali tas-Super Cup mirbuħa minn Valletta FC Futsal kontra Luxol, l-istess żewġ timijiet iltaqgħu għall-ewwel logħba tal-Kampjonat Elite.

Din id-darba kienu Luxol li ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 4-2. Għat-tim minn St. Andrews skurja darbtejn il-plejer Brażiljan Everton Veve u skurjaw ukol Zvezdan Vukovic u Gabriel Dobre. Il-Beltin naqqsu l-marġni tal-iskor b’doppjetta tal-plejer Libjan Mohamed Lamari.

Fil-logħba l-oħra li ntlagħbet fl-istess ġimgħa, it-tim tal-Università ta’ Malta kisbu rebħa minima ta’ 4-3 kontra Swieqi United. Minkejja li t-tim ta’ Swieqi United kien aħjar fit-tieni taqsima, ma kienx biżżejjed biex jikseb l-ewwel rebħa staġjonali. Għal Swieqi United skurja tripletta Armando Djepali. Għall-Universitarji skurja darbtejn Denis Di Maio u gowl kull wieħed għal Christian Wismayer u Ivan Jovanovic.

Il-ġimgħa d-dieħla Luxol se jkunu impenjati fir-rawnd prinċipali tal-UEFA Futsal Champions League fi Praga fir-Repubblika Ċeka. Fi Grupp 5 se jkollhom magħhom liċ-Ċeki ta’ Sparta Praha, l-Polakki ta’ Record Bielsko-Biala u r-Rumeni ta’ Csikszereda.

Il-ġimgħa d-dieħla se tintlagħab logħba waħda mill-Kampjonat tal-Elite, fejn nhar il-Ġimgħa Valletta FC Futsal jilagħbu kontra Swieqi United. Il-logħba se tintlagħab fil-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke u se tibda fid-20:45.