Jiftaħ il-Forum taż-Żgħażagħ fiċ-CHOGM 2015

Minkejja li uffiċjalment iċ-CHOGM jiftaħ nhar il-Ġimgħa, dalgħodu ttella’ l-ewwel avveniment b’rabta mal-laqgħa tal-mexxejja tal-Commonwealth ta’ din is-sena bil-ftuħ tal-Forum taż-Żgħażagħ.
Il-Forum taż-Żgħażagħ li qed isir bejn illum u nhar l-Erbgħa li ġej, qed jara attendenza ta’ ‘l fuq minn 200 żagħużgħ u żagħżugħa mill-pajjiżi tal-Commonwealth.
Dan il-Forum huwa l-ewwel wieħed minn sensiela ta’ erba’ laqgħat ta’ qabel iċ-CHOGM bil-kumplament tal-fora jinkludu l-Forum tan-Nies, il-Forum tan-Negozji u l-Forum tan-Nisa.
Il-Forum taż-żgħażagħ infetaħ mill-Prim Ministru Joseph Muscat u kien jinkludi diversi diskorsi fosthom minn Victor Ochen, il-fundatur tal-‘African Youth Initiative Network’.
B’60% tal-popolazzjoni tal-Commonwealth tlaħħaq l-età taħt it-30 sena, iż-żgħożija se tkun fiċ-ċentru tal-attenzjoni tal-laqgħa taċ-CHOGM ta’ din is-sena.