Jiffroda mara b’€29,000

Raġel ta’ 38 sena minn Ħaż-Żabbar tpoġġa fuq probation wara li ammetta li ffroda mara b’€29,000.
Ir-raġel li għandu l-vizzju tal-logħob tal-azzard, ikkovinċa mara tagħtih il-flus wara li wegħda li jista’ jagħtiha post tal-housing soċjali fejn toqgħod.  Wara li l-mara baqgħet b’idha f’idha għamlet rapport lill-pulizija. Huwa tressaq il-Qorti akkużat bi frodi u miżapproprijazzjoni ta’ flus.
Quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, ir-raġel qal li kien ilu jbati biex jipprova jegħleb il-vizzju tal-logħob. Spjega li kien daħal għal programm ta’ rijabilitazzjoni iżda kien qata’ qalbu u waqaf.
Min-naħa tagħha l-Prosekuzzjoni qalet li r-raġel kien ammetta l-akkużi kontrih u ffirma karta fejn ammetta d-dejn li għandu.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qiset li l-akkużat ikkopera mal-Pulizija, ammetta fi stadju bikri u li għandu problema bil-logħob. F’dan l-isfond il-Qorti ordnat li r-raġel jitqiegħed taħt probation għal tliet snin u ordnatlu li jegwi programm biex jgħinu jeħles mill-vizzju tal-logħob.
Hija ordnat ukoll li kull xahar iħallas terz mill-paga tiegħu sakemm jaqta’ d-dejn kollu.