Jiffriżaw moħħhom għal 200 sena oħra

Is-sinjuruni qed jiffriżaw moħħhom għal €80,000 bit-tama li jitwieldu mill-ġdid madwar 200 sena oħra. L-iffriżar tal-katavru f’-196°C qed jitqies bħala pass ieħor ‘il quddiem fl-isfida mal-mewt. Iżda ħafna esperti qed iwissu li ma hemmx tama li din l-invenzjoni tirnexxi għax l-ebda qalb jew kliewi ma salvaw wara li ġew iffriżati u mdewba – wisq inqas il-moħħ.

Cryonics hi l-arti tal-preservazzjoni tal-ġisem mejjet jew partijiet minnu għall-użu fil-futur. Uħud minn dawk li għandhom ħafna flus qed jgħidu li m’għandhomx x’jitilfu jekk jippruvaw din l-invenzjoni, għax qed jittamaw li 200 sena wara mewthom iqumu mill-ġdid biex jgħixu ħajja kompletament ġdida.

It-tama hi li l-katavri li jiġu ffriżati, iktar il-quddiem jiġu salvati u rxuxtati wara l-interventi mediċi meħtieġa għall-istess kundizzjoni li tkun qatlet lill-persuna.  L-ippreservar tal-moħħ diġà qed jiġi offrut minn żewġ kumpaniji differenti f’Arizona u f’Michigan, l-Istati Uniti.

F’waħda mill-kumpaniji diġà hemm 149 pazjent mejjet, li qed jinżammu ffriżati. Il-proċess jinbeda sa 15 il-minuta wara l-mewt tal-persuna, il-katavru jiġi ppakjat fis-silġ u jiġi injettat b’kimiċi li jnaqqsu ċ-ċans li jagħqad id-demm. Imbagħad il-katavru jitkessaħ u d-demm jinbidel b’likwidu li jżomm l-organi iffriżati sew.

Is-sid ta’ waħda mill-kumpaniji għandu tama li l-katavri jingħataw il-ħajja u saħansitra jkun hemm min jirnexxielu jerġa’ jibda l-ħajja minn stadju iktar kmieni f’ħajtu.