Jieqaf l-istrajk tas-social workers; jintlaħaq qbil

Il-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon ħabbar li ntlaħaq qbil bejn il-Gvern, il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) u l-Union  Ħaddiema Maqgħudin – Voice of the Workers (UĦM) dwar il-ftehim kollettiv għall-ħaddiema fi ħdan l-FSWS.
Dan wara li l-istess ħaddiema kien ilhom fuq strajk ftit aktar minn erba’ ġimgħat.
Il-Ministru stqarr li dan huwa ftehim storiku għax bih qed tinħoloq “career path” li hija ċara u distinta għal dawn il-professjonisti. 
Hu kompla jgħid kif dan il-ftehim ġdid qed jirrikonoxxi l-ħiliet u l-esperjenzi ta’ dawn il-ħaddiema permezz ta’ inċentivi monetarji "responsabbli u raġunati”, hekk kif il-pagi u l-allowances se jibdew jirriflettu x-xogħol li jwettqu l-ħaddiema fil-gradi kollha tal-FSWS. 
Fi stqarrija l-Ministeru saħaq li dan il-ftehim huwa tajjeb b’mod speċjali għall-persuni vulnerabbli li jagħmlu użu mis-servizzi li toffri l-FSWS.