#jienavoluntier: Maltin jgħallmu l-mużika u l-ġurnaliżmu fil-Filippini

Sitt żgħażagħ Maltin flimkien ma’ Patri Karm Debattista jinsabu fit-tieni ġimgħa tagħhom ta’ volontarjat fil-Filippini. Fosthom hemm George Cremona, korrispondent tal-mużika u xandar ma’ Newsbook.com.mt u RTK.
Ma’ Newsbook.com.mt, Patri Karm, spjega li l-voluntiera qed jaħdmu fil-Parroċċa tal-Missjunarji Soċjetà ta’ San Pawl (MSSP) f’Bataan, jgħallmu l-mużika, il-ġurnaliżmu u l-Edukazzjoni Fiżika (PE) lit-tfal. Dan jagħmluh mit-8.30am sal-11.30am u mis-1pm sal-4pm.
Kompla jgħid li filgħaxija, wara l-quddiesa tas-6pm, jgħallmu ftit mużika lill-orkestra tal-post, magħmula minn 80 tifel u tifla. Fost l-oħrajn jgħallmuhom it-teorija u ear training.
Bħalissa fil-villaġġ fejn qegħdin, ta’ sikwit imur id-dawl minħabba t-tifun.
Din hija l-ewwel minn sensiela ta’ esperjenzi ta’ volontarjat li se jkunu qed iwasslu Newsbook.com.mt u RTK, dan is-sajf.
Jekk se tagħmel volontarjat fil-ġimgħat li ġejjin, jew taf b’xi ħadd li mar u għandu album ta’ ritratti x’jaqsam magħna, Newsbook.com.mt u RTK jixtieq jitkellem magħkom.
Anke jekk qiegħed barra l-pajjiż, tiddejjaqx tibgħatilna fuq info@newsbook.com.mt