“Jiena Maltija u kburija” – Kandidata għal Miss World Malta twieġeb lir-razzisti

Read in English.

Kandidata fil-kompetizzjoni ta’ Miss World Malta sostniet li hi Maltija u hi kburija b’dan. Hi kienet qed twieġeb dwar kummenti razzisti fil-konfront tagħha minn Maltin li qalu li mhux postha fil-kompetizzjoni għax hi ta’ karnaġġjon skur.

Attard hija waħda mill-25 mara li qed jikkompetu fl-edizzjoni ta’ Miss World Malta ta’ din is-sena.

Tliet ijiem ilu, it-tfajla tellgħet ritratt tagħha fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook fejn talbet lill-pubbliku biex jivvutalha fil-kompetizzjoni ħalli tirbaħ it-titlu ta’ Miss World Malta. Kien hawn li ċertu proxxmu ħass li kellu jikkummenta b’mod razzist fuq il-post tagħha. Hu qalilha li hi mhix ta’ “razza” Maltija.

L-istess persuna, aktar tard, iddeċieda li jieħu screenshot tal-kumment tiegħu fuq ir-ritratt u jtellgħu fuq Facebook. Minn hemm instiga ruxmata ta’ kummenti razzisti fil-konfront tat-tfajla. Hu qal li “mhux ġust li wieħed jibgħat persuna li mhix verament Maltija barra minn Malta biex tirrapreżenta lill-Maltin”.

Kienu iżda diversi l-persuni li immedjatament qabżu għat-tfajla fuq Facebook. Huma insistew li kien kumment kemmxejn “injorant” li wieħed juża’ l-kliem “Maltese breed” għax il-kelma “breed” (razza) tintuża għall-klieb u mhux għall-bnedmin. Irrimarkaw li l-kulur tal-ġilda ma jiddeterminax il-post minn fejn ġejja persuna u li għax Attard għandha ġilda skura, ma jfissirx li mhix Maltija.

Oħrajn fakkru kif il-poplu Malti huwa poplu mħallat u għandu dixxendenza minn għexieren ta’ popli differenti minn pajjiżi differenti.

https://www.facebook.com/photo.php?fbid=10159411256238539&set=a.10154923536968539&type=3&theater

Fil-ġimgħat li għaddew kienu diversi dawk li pprotestaw bl-aħrax madwar id-dinja kontra r-razziżmu, id-diskriminazzjoni u abbuż abbażi tal-kulur tal-ġilda.

Il-Parlament Ewropew qal li ma hemm l-ebda lok għal razziżmu u diskriminazzjoni fis-soċjetajiet. Il-Membri Parlamentari Ewropej ivvutaw għal riżoluzzjoni li titlob li l-Unjoni Ewropea tieħu pożizzjoni b’saħħitha u deċiżiva kontra r-razziżmu, il-vjolenza u l-inġustizzja.

“Ir-razziżmu huwa insult lil Alla, għaliex Alla ħalaqna lkoll xbieha tiegħu”. Hekk qal l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi meta kien qed iqaddes fil-Kappella tal-Kurja. L-Isqof Awżiljarju qal li  “ma tistmax lil xi ħadd għax hu iswed – qed tinsulta lil Alla, li ħalaq lil kulħadd, hu min hu, xbieha tiegħu. Jekk jien ma nistmax lil xi ħadd għax hu iswed, jien li għandi problema, mhux hu li għandu problema”.