“Jiena l-unika persuna li għandi interess fis-siġġu Parlamentari” – Cutajar

Kevin Cutajar li ġie elett kunsillier għal-lokalità tax-Xagħra, qal fuq Facebook li wara d-deċiżjoni tal-bieraħ ta’ Jean Pierre Debono li rtira l-interess tiegħu li jimla s-siġġu Parlamentari ta’ David Stellini, hu l-unika persuna li fadal li għandha interess fis-siġġu Parlamentari.

Wara d-deċiżjoni tal-bieraħ ta' Jean Pierre Debono li jirtira l-interess tiegħu li jimla s-siġġu Parlamentari li David…

Posted by Kevin Cutajar on Monday, June 3, 2019

Cutajar qal li kiteb ittra lis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista sabiex jitolbu jinfurmah kif se jmexxi l-Partit dwar is-sitwazzjoni. Sostna li issa qed jistenna risposta.

Aqra: Jean Pierre Debono mhux se jieħu l-ġurament tal-ħatra

Propju fl-aħħar jiem, qamet kontroversja sħiħa dwar min għandu jkun dak li jieħu s-siġġu parlamentari ta’ Stellini permezz ta’ co-option. Filwaqt li kien hemm bosta li sostnew li s-siġġu għandu jieħdu Cutajar, sabiex siġġu li kien għand Membru Parlamentari Għawdxi jibqa’ għand wieħed Għawdxi, oħrajn insistew li dan għandu jingħata lil Jean Pierre Debono hekk kif dan kien ċeda s-siġġu tiegħu fil-Parlament lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

Aqra: Aġġornata: Is-siġġu parlamentari ta’ Għawdex insteraq b’qerq – l-eks President tal-Eżekuttiv tal-PN

Aqra: Aġġornata: Nulla l-elezzjoni ta’ Jean Pierre Debono – Il-Kumitat tal-PN f’Għawdex

Jean Pierre Debono kien intgħażel mill-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista biex jieħu s-siġġu ta’ David Stellini fil-Parlament. Debono ġab 42 vot, filwaqt li Cutajar ġab 40 vot. Iżda aktar tard, il-Kumitat Reġjonali ta’ Għawdex fi ħdan il-Partit Nazzjonalista beda jikkontesta bħala nulla u bla effett id-deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv, li s-siġġu parlamentari vakat minn David Stellini, jimtela, permezz ta’ co-option minn Jean Pierre Debono. Dan wassal għall-eventwalità li Debono jirtira l-interess tiegħu.

Aqra: It-teżorier tal-PN f’kontroversja dwar il-vot tas-Sibt; il-PN iwieġeb