“Jiena kontra l-abort” – Anthony Buttigieg

MEP candidate Anthony Buttigieg

Read in English.

Il-kandidat għall-Parlament Ewropew Anthony Buttigieg iddikkjara ċar u tond li hu kontra l-abort.

Fi tweġiba għal numru ta’ mistoqsijiet li ġew ippreżentati lill-kandidat tal-Partit Demokratiku minn Politico, Buttigieg iddikkjara li hu kontra l-abort apparti għal raġunijiet mediċi, fejn il-ħajja tal-omm hi f’riskju u għal raġunijiet prattiċi.

Minkejja li ddikkjara li hu mhuwiex partikolarment reliġjuż, elenka li hu bħala tabib, kemm-il darba jiltaqa’ ma’ koppji li jgħaddu minn stress finanzjarju u psikoloġiku sostanzjali biex ikollhom it-tfal, jew permezz ta’ IVF jew inkella billi jaddottaw, ħafna drabi mingħajr suċċess.

Hu saħaq li jemmen li Malta għandha taħdem sabiex tibni strutturi soċjali li jagħmluha eħfef għal nisa li jinqabdu tqal meta ma jkunux iridu tfal sabiex ikunu jistgħu jgħaddu l-futuri uliedhom lil persuni oħra, bl-inqas battikati u stress kemm possibbli.

Anthony Buttigieg żied jisħaq li minflok inħeġġu lin-nisa jagħmlu abort, hu jixtieq li Malta jkollha strutturi sabiex in-nisa ma jħossx li hu bżonn li jagħmlu abort.

Buttigieg innota wkoll li l-abort qed jintuża bħala għodda politika fil-kampanja tal-MEPs u li hu jiddispjaċieh jara li l-abort, li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-parlament nazzjonali ta’ Malta u mhux tal-Parlament Ewropew, sar is-suġġett ewlieni ta’ din il-kampanja.

Il-kandidat Anthony Buttigieg