“Jien vittma ta’ konfoffi korrotti” – Dalli lil Omtzigt

John Dalli kiteb lura lill-Membru Parlamentari Netherlandiż Pieter Omtzigt u qallu li hu mhuwiex politiku ta’ diżunur, imma huwa “vittma ta’ konfoffi korrotti u tat-tixrid tal-mibegħda.”

Dan qalu fit-tweġiba tiegħu għall-ittra li bagħatlu Omtzigt, b’risposta għall-ittra oriġinali ta’ Dalli tat-3 t’Awwissu, li fiha, Dalli saħaq li mhuwiex politiku “ta’ diżunur,” kif sejjaħlu Omtzigt fir-rapport li għamel għall-Kunsill tal-Ewropa dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Qal li billi jsejjaħlu ta’ diżunur, qed jikkopja l-kritika “derogatorja, ta’ mibegħda u vendikattiva tal-blogger perversa.”

Aqra: Omtzigt jispjega lil Dalli għalfejn huwa “ta’ diżunur”

L-eks Kummissarju Ewropew insista li Omtzigt huwa influwenzat minn dak li kienet tikteb dwaru l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u minn dak li jgħidlu ħaddieħor dwaru. Qal lil Omtzigt li l-maġġoranza tal-Maltin u l-“vittmi” tal-ġurnalista m’għandhomx l-istess ħsieb dwarha li għandu hu.

Fl-ittra li bagħat ilbieraħ, Dalli qal li hu rreżenja minn Kummissarju Ewropew fl-2012 biex juri li hu innoċenti, b’rabta ma’ akkużi li kollega ta’ Dalli talab €60 miljun mingħand Swedish Match, il-produttur ewlieni tat-tabakk Żvediż snus, bi skambju mal-għajnuna ta’ Dalli biex jinbidlu r-regolamenti Ewropej tat-tabakk. Qal li meta hu ħa l-inizjattiva li jirreżenja, il-Kummissjoni rrovinat dan il-pjan billi tat impunità lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u ma ħallietx lill-Pulizija Belġjana tinvestiga l-azzjonijiet tagħhom.

Aqra: Dalli jrid skuża pubblika mingħand Omtzigt talli sejjaħlu “ta’ diżunur”

Insista li meta hu ltaqa’ mal-Membri Parlamentari Ana Gomes, Sven Giegold u David Casa, li kienu kitbu rapport dwar Malta f’isem il-Parlament Ewropew, huma ma setgħux jagħtu sustanza lil dak li kienu qalu fir-rapport, u Omtzigt ikkwota r-rapport tagħhom.

Dwar il-kont tiegħu fil-Bank Pilatus, Dalli qal li għalqu meta kien hemm id-dubji dwar il-ħidma ta’ dan il-bank.

Aqra: Qorti Ewropea tiċħad il-kawża ta’ John Dalli għall-kumpens

Dalli temm jgħid li fit-tieni ġudizzju tiegħu kien hemm għadd ta’ kontradizzjonijiet u tidwir. Qal li l-avukati tiegħu se jappellaw dak il-ġudizzju għaliex huwa determinat li joħroġ dak kollu mistur fil-pubbliku.

Tista’ taqra l-ittra sħiħa hawn.