“Jien u Muscat konna Tas-Sliema; nassumi Schembri kien Kastilja”

Kurt Farrugia, li kien il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern meta Joseph Muscat kien Prim Ministru, fix-xhieda tiegħu fil-Qorti qal li dak il-ħin tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, hu kien ma’ Dr Muscat f’attività f’Tas-Sliema u li Keith Schembri, dakinhar Chief of Staff tal-istess Prim Ministru, ma kienx magħhom. “Nassumi li kien Kastilja”, żied jgħid Farrugia, li llum huwa l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise.

F’xhieda preċedenti, fil-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech, Keith Schembri kien qal li meta sema’ bil-bomba, hu kien ma’ Joseph Muscat u ma’ Kurt Farrugia f’Kastilja.

Fl-istess ġimgħa, l-armel tal-ġurnalista, Dr Peter Caruana Galizia ppreżenta fil-Qorti filmat li skont il-ħin fuqu, fil-ħin li nqatlet il-ġurnalista, Joseph Muscat kien qed jagħti kummenti lill-midja wara konferenza.

X’xehed Kurt Farrugia dwar dan?

  • Dakinhar tal-assassinju kellhom attività ma’ kumpaniji barranin f’Tas-Sliema, li għaliha kien preżenti l-Ministru għall-Ekonomija.
  • Meta seħħ l-assassinju, il-ġurnalisti bdew jikkuntattjawh biex jikkonfermalhom x’ġara u beda jgħidilhom imorru Kastilja għall-konferenza tal-aħbarijiet. Ma kkonfermalhomx x’ġara.
  • Muscat ċempel lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia
  • Jiftakar lil Muscat jikteb li jrid isejjaħ konferenza tal-aħbarijiet qabel ma l-Kummissarju kkonferma li kienet Caruana Galizia.
  • “Ħassejtni bħallikieku d-dinja kkrollat fuqi,” jgħid Farrugia filwaqt li spjega li ċempel lill-Kummissarju tal-Pulizija, li ma weġbux mill-ewwel u ċempillu iktar tard fejn infurmah li x’aktarx bomba tqiegħdet taħt il-karozza ta’ Daphne Caruana Galizia.
  • Ftakar lil Muscat jgħid li martu Michelle tgħaddi minn dik it-triq biex tieħu lil uliedhom l-iskola, u li Muscat talbu jċempel lill-Brigadier u jinfurmah.
  • L-eks Kap tal-Komunikazzjoni jgħid li kienu kważi waslu l-Belt Valletta meta Joseph Muscat irċieva messaġġ li kien hemm bomba xi mkien il-Mosta.

X’kien xehed Keith Schembri?

  • Meta sema’ bil-bomba, hu kien ma’ Joseph Muscat u ma’ Kurt Farrugia f’Kastilja.
  • Irċevew telefonata mingħand Ivan Falzon, dakinhar Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei, li qalilhom li kien hemm splużjoni f’Burmarrad.
  • Il-Prim Ministru għamel telefonati biex jiċċekkja dwar missieru li għandu kamra tan-nar f’Burmarrad.
  • Falzon ċemplilhom ftit minuti wara biex jgħidilhom li l-isplużjoni seħħet il-Bidnija u li probabbilment kienet ikkawżata b’bomba f’karozza.

Daphne Caruana Galizia ġiet assassinata fis-16 ta’ Ottubru 2017 hekk kif splodiet bomba li tpoġġiet fil-karozza li kienet qed issuq, ftit wara t-3pm, ftit metri ‘l bogħod minn darha fil-Bidnija.