Filmat: Jien u l-familja minn ta’ quddiem għat-tilqima tal-Covid – konsulent tas-saħħa pubblika

Read in English.

Il-konsulent tas-saħħa pubblika Dr Tanya Melillo qalet li l-esperti internazzjonali tas-saħħa qed ibassru t-tielet mewġa tal-pandemija tal-coronavirus. Meta kienet qed tkun intervistata fuq Newsbook Q&A minn Fr Joe Borg, Dr Melillo qalet li din it-tielet mewġa se sseħħ minħabba żewġ fatturi ewlenin: iż-żieda fil-ksieħ wara l-festi tal-Milied u minħabba li hu mistenni li fil-Milied, in-nies se jirrilassaw l-għassa stretta u ma jżommux distanzi soċjali. Dan it-taħlit mistenni jikkontribwixxi mhux ftit għat-tielet mewġa u għal żieda fl-għadd ta’ nies li jiddaħħlu l-isptar.

Taħlit perikoluż

Tul dawn l-aħħar jiem rapporti li l-farmhouses f’Għawdex huma kollha mimlijin qajjem tħassib, tant li saħansitra l-Malta Chamber for SMEs wera t-tħassib tiegħu. Dr Melillo qalet li dawk li jgħixu f’familja waħda jistgħu jmorru btala Għawdex bla xkiel iżda, jekk ikun hemm it-taħlit ta’ familji minn djar differenti l-virus żgur li jinfirex. Hija kienet emfatika dwar dan u kienet aktar emfatika dwar dawk li kienu qed jippjanaw Milied imorru minn party għal ieħor. Dan, qalet Dr Melillo huwa aġir mill-aktar irresponsabbli u żgur jissarraf f’aktar nies li jimirdu bil-coronavirus u aktar nies jiddaħħlu l-isptar.

Minn ta’ quddiem għat-tilqima

Dr Melillo qalet li t-tilqima kontra l-coronavirus tagħti xaqq ta’ tama li l-bniedem għad irabbi biżżejjed ‘suldati’ biex jiġġieled il-coronavirus. Stqarret li storikament, it-tilqim dejjem wera lilu nnifsu bħala l-aħjar difiża għall-bniedem kontra l-mard: it-TB, il-ġidri, l-influwenza, dawn it-tilqimiet kollha għallmu lill-ġisem tal-bniedem kif għandu jiġġieled il-mard. Dr Melillo xejnet il-ħafna għajdut li t-tilqima mhix sigura. Hija qalet li kull mediċina, qabel toħroġ għall-produzzjoni, tant trid tgħaddi minn testijiet li dan it-tip ta’ xnigħat hu biss kliem fieragħ. Fissret li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-WHO, żgur mhux se tippermetti li fis-suq toħroġ mediċina li tagħmel aktar ħsara milli ġid. “Jien se nkun minn ta’ quddiem nett biex nieħu t-tilqima u l-familja tiegħi se jkunu kollha warajja,” wieġbet Dr Melillo meta Fr Borg sfidaha jekk hix se tieħu t-tilqima jew le.

Iżda t-tilqima mhux se tkun tfisser li kollox għadda.

Titjib gradwali

Dr Melillo qalet li l-ewwel nett, it-tilqima trid iż-żmien biex tasal għand kulħadd. Spjegat li l-produzzjoni tat-tilqima se tkun imqassma lil diversi pajjiżi Ewropej u sakemm il-maġġoranza tal-popli Ewropej jitlaqqmu, iridu jgħaddu l-ġimgħat u anke xhur. Hija qalet li biex is-sitwazzjoni titqies taħt kontroll, dak li x-xjentisti jsejħula ‘herd immunity’ jiġifieri li madwar 80% tal-popolazzjoni jkollha biżżejjed ‘suldati’ f’ġisimha biex tiġġieled lill-coronavirus, jaf jasal anke April. Dan dejjem jekk il-pubbliku juża rasu u jmur jieħu t-tilqima. Barra minn hekk, wissiet li t-tilqima tingħata f’żewġ partijiet u dan ifisser li jekk wieħed ikun ħa l-ewwel parti biss, ikun għadu mhux sigur.

“Jekk tassew tħobbu lil familtkom, ħudu ħsieb tal-għeżież tagħkom issa li ġej il-Milied ħalli meta jerġa’ jiġi s-sajf inkunu tassew nistgħu nerġgħu ngawdu,” temmet tgħid Dr Melillo.