“Jien nixtieq insir missier iżda minħabba n-natura tiegħi ma nistax”

Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo qal li l-ulied huma rigal li ma jingħatawx lil kulħadd.
"Jien nixtieq insir missier iżda minħabba n-natura tiegħi ma nistax", stqarr Bartolo lbieraħ filgħaxija fil-Parlament.
"Mhux kull xewqa għal tarbija hija ġustifikata għax tista' tkun ġejja minn xewqa egoista. Kull kreazzjoni għandha d-dritt li tkun taf min fejn ġejja", huwa qal.
L-embrijun għadu jingħata l-benefiċċju tad-dubju
Min-naħa tiegħu, id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo qal li din li qed tkun deskritta bħala kwistjoni ta’ ugwaljanza spiċċat liġi ta’ inġustizzja u diżugwaljanza flimkien ma’ diżonestà politika.
Stqarr li din se toħloq tbatija ġdida fost in-nies. Vassallo żied jgħid li l-embrijun hu ħajja umana għad-differenza ta' dak li qed jgħid il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne. Hu appella biex l-embrijun jkun trattat ta’ ħajja umana.
Min-naħa tal-Gvern, tkellmet fost l-oħrajn il-Ministru Helena Dalli, li qalet li l-Gvern irid ineħħi t-tbatija żejda mingħajr ma jiġġudika lil ħadd.
Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli qalet li hawn koppji li qed ibiegħu d-dar tagħhom biex jagħmlu t-trattament tal-IVF permezz tal-iffriżar tal-embrijuni barra minn Malta għax jiswa €50,000.