“Jien m’iniex baħri tal-bnazzi”

Joseph Muscat qal li se jibqa' fit-tmun tal-pajjiż

Read in English.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li hu mhux baħri tal-bnazzi imma baħri tal-maltemp u għaldaqstant se jkun qed jibqa’ jmexxi l-partit u l-pajjiż.

Dan qalu dalgħodu meta kien qed jitkellem f’kollegament telefoniku fuq One Radio. Żied jgħid li dak li ġara din il-ġimgħa kien il-qofol ta’ xhur sħaħ ta’ ħidma mill-istituzzjonijiet. “Dan juri li l-istituzzjonijiet huma indipendenti u li l-kritika li ma kinux qed jagħmlu xogħolhom ma kinitx ġusta. Nirringrazzja lill-istituzzjonijiet għall-ħidma tagħhom”, żied jgħid Muscat.

B’referenza għar-rakkomandazzjoni tal-maħfra presidenzjali għal Melvin Theuma, li qed jitqies bħala s-sensar fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Dr Muscat qal li għamel dan għax emmen li din hi l-aħjar triq ‘il quddiem. 

Kompla jgħid li hu ġie kkritikat għal dan, bl-istess mod li ġie kkritikat meta ma tkellimx. “Jien se nagħmel dak li nemmen li hemm bżonn isir, sabiex issir ġustizzja”, stqarr Muscat. Fakkar lis-semmiegħa dwar il-maġġoranza elettorali, u żied jgħid li hu se jibqa’ jaħdem fit-tmun tal-pajjiż.

Joseph Muscat b’rasu mgħaddsa fir-ramel” – PN

F’reazzjoni għall-kummenti ta’ Muscat fuq One Radio, il-Partit Nazzjonalista qal li Muscat se jibqa’ jassumi l-irwoli li suppost li għandhom l-Istituzzjonijiet kontra kull prinċipju tas-saltna tad-dritt.

Fi stqarrija, il-PN qal li Joseph Muscat qed jibqa’ jgħaddas rasu fir-ramel u jaħseb li jista’ jibqa’ għaddej business as usual waqt li jaħrab mill-verità u mid-diskussjoni fil-Parlament.

Tenna li l-Prim Ministru minflok għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika billi jkeċċi immedjatament liċ-Chief of Staff u l-Ministri ewlenin tiegħu implikati f’din is-saga nazzjonali. Saħaq li n-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu sa issa hija wkoll raġuni biżżejjed biex il-Prim Ministru jitfa’ r-riżenja tiegħu wkoll.