“Jien l-inqas persuna razzista li qatt se tintervistaw”

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal lill-midja li aktarx huwa l-inqas persuna razzista li qatt se jkollhom iċ-ċans li jintervistaw.
Trump kien qed iwieġeb għal akkużi li hu razzist, jew li jemmen li hemm xi pajjiżi anqas minn oħrajn.
Dan wara li li l-ġimgħa l-oħra ġie rrappurtat li waqt laqgħa ma’ leġiżlaturi Repubblikani u Demokratiċi biex jintlaħaq ftehim fuq l-immigrazzjoni, il-president ippropona li minflok l-Amerka tilqa’ persuni minn pajjiżi mifnija bil-gwerra, li ntlaqtu minn diżastri natuarali jew minn xi mard, tagħti ċ-ċittadinanza lil migranti min-Norveġja.
Ma’ dan allegatament Trump żied jgħid jistaqsi għaliex l-Amerka qed tħalli lil dawn il-persuni kollha li ġejjin minn pajjiżi deskritti minnu bl-Ingliż bħala “shitholes”, jiġifieri tal-qamel, biex nużaw kelma aktar prudenti.
Din kienet l-ewwel darba li l-president wieġeb għal akkużi simili lill-midja.
Li jindirizza l-isfidi tal-immigrazzjoni kien wieħed mis-suġġetti jaħarqu ta’ Trump waqt il-kampanja elettorali, fost l-oħrajn bil-proposta kontroversjali tiegħu tal-ħajt mal-Messiku.
Imbagħad kien hemm ukoll is-sospensjoni tal-viża minn għadd ta’ pajjiżi, il-maġġoranza Musulmani.
Fl-aħħar ġimgħat l-amministrazzjoni tiegħu kienet qed tieħu lura l-Istatus ta’ Protezzjoni Temporanja mingħand persuni minn diversi nazzjonalitajiet, li kienu diġà qed jgħidu fl-Istati Uniti.
L-aġġettiv li Trump allegatament uża biex jiddeskrivi dawn il-pajjiżi qajjem furur li ġie minn bosta pajjiżi li ħassewhom li jaqgħu taħt it-tgħajjira ta’ Trump.
Min-naħa tiegħu Trump dakinhar wieġeb bi tweet li għalkemm uża kliem iebes, m’użax dik il-kelma partikulari, għalkemm ma qalx x’uża.