“Jien kontra l-abort u l-ewtanażja” – Bernard Grech

Sarah Cassar Dymond

Dr Bernard Grech, li fi ftit ġimgħat oħra se jkun qed jikkontesta għall-kariga ta’ kap tal-Partit Nazzjonalista, saħaq li huwa kategorikament kontra l-abort u l-ewtanażja.

F’laqgħa mal-kamra tal-aħbarijiet ta’ Newsbook.com.mt, Dr Grech sostna li hu kontra dak kollu li b’xi mod jaffettwa negattiv il-valur tal-ħajja u li se jibqa’ jirrispetta u jiddefendi l-liġijiet ta’ Malta li jħarsuha. “Il-ħajja għalija għandha valur assolut. Minn dejjem ħassejtni kommess li nħares il-ħajja mill-konċepiment sal-qabar”, żied jgħid.

Irrimarka li l-PN jemmen fir-rispett sħiħ “għall-valur tal-ħajja umana, għad-dinjità inaljenabbli ta’ kull persuna u għad-drittijiet u l-jeddijiet tagħha fi fraternità ta’ bnedmin fid-diversità wiesgħa tagħhom ta’ kultura, razza, sess, orjentazzjoni sesswali u twemmin politiku jew reliġjuż”. 

Il-Partit Nazzjonalista jista’ jingħaqad?

Bernard Grech, li huwa l-iżgħar fost tliet aħwa, se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni għal kap tal-PN kontra l-Kap preżenti Adrian Delia. Dan wara li ntgħażel bħala l-uniku kandidat biex jikkontesta kontra Delia u għandu s-sapport tal-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola, tad-Deputat Parlamentari Therese Comodini Cachia u tal-eks President tal-Eżekuttiv tal-PN Mark Anthony Sammut, li t-tlieta li huma kienu interessati li jidħlu fit-tellieqa. 

Ma’ Newsbook.com.mt, Dr Bernard Grech saħaq li l-għaqda bdiet minn dik il-mejda tad-diskussjoni li wasslet biex jintgħażel kandidat wieħed. Sostna li issa importanti li jkun hemm maturità fost il-kandidati, kemm meta jitkellmu kif ukoll kif iġibu ruħhom anke fejn ma jidhrux.

Insista li hu jemmen li hemm it-tajjeb f’kulħadd u li l-PN jista’ jutilizza t-tajjeb ta’ kull persuna, kemm ta’ dawk li huma fil-PN, ta’ dawk li kienu jew jixtiequ jkunu. “Anke Adrian Delia jista’ jkun parti mis-soluzzjoni tal-partit”, żied jgħid Bernard Grech.

“Flimkien iktar b’saħħitna milli mifrudin”

Il-kandidat għal kap tal-Partit Nazzjonalista fisser li għalih id-djalogu hu l-bażi ta’ kull politika b’saħħitha. Esprima x-xewqa li jkun hemm tip ta’ djalogu li jaħdem b’sistema ta’ feedback u li għalhekk joħloq ċirku virtwuż ta’ komunikazzjoni “fejn nisimgħu lil kull persuna, sew jekk minn ġewwa jew minn barra l-Partit Nazzjonalista”. Saħaq li jixtieq konsultazzjoni wiesgħa bizzejjed fejn kulħadd ikollu leħen “għaliex flimkien iktar b’saħħitna milli mifrudin”.

Il-PN għandu jaċċetta flus mill-“big businesses”?

Jekk ikun fit-tmun tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech ma jeskludix li l-partit jaċċetta donazzjonijiet minn “big businesses”. Spjega li hemm min hu tal-affari tiegħu u jimxi tajjeb, u li għandhom jittieħdu passi kontra min jimxi ħażin. “Ma nara xejn ħażin li tħalli lil kulħadd jikkontribwixxi. Negozjanti kbar jistgħu jgħinu, biss importanti li għax ikunu jridu jgħinu u mhux jixtru”, stqarr Grech.

“L-ekonomija trid tinkludi lil kulħadd”

Bernard Grech jemmen li l-ekonomija trid tinkludi lil kulħadd u biex tkun ġusta trid toħloq bilanċ bejn dawk li bil-ħafna tagħhom jinvestu biex jiġġeneraw il-ġid għalihom u għall-komunità, u dawk li jaħdmu bil-paga biex jassiguraw l-għajxien tal-familja.

Dwar il-ġid komuni, Dr Grech insista li dan jista’ jintlaħaq biss meta ħadd ma jibqa’ lura. Kompla jgħid li kulħadd għandu jkollu l-libertà li javvanza u jgħin fl-iżvilupp tal-komunità li jgħix fiha. Fisser li biex tgħin lil xi ħadd ma tistax tkun inġust ma’ ħaddieħor.  Enfasizza dwar sistema li taħdem b’mod ġust, fejn persuna tgħaddi minn proċess u mhux tmur għand il-politiku.

“Ma nistgħux nitkellmu fuq il-ġustizzja, id-drittijiet u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, jekk ħafna nies huma mingħajr impjieg, bil-ġuħ jew f’xifer il-faqar. Il-Partit Nazzjonalista li nixtieq jien huwa partit li jisma’ l-opinjonijiet, iħoss id-diffikultajiet u jaspira x-xewqat tan-nies, partikolarment taż-żgħir. B’hekk biss jista’ jinħoloq il-ġid komuni” saħaq l-aspirant għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.

“Nirrikonoxxi l-inizjattiva taċ-childcare centre”

Dwar il-mara fis-soċjetà Maltija, Grech sostna li jrid jara soċjetà fejn il-mara twettaq id-dinjità sħiħa tagħha bl-akbar ekwità. Filwaqt li jirrikonoxxi l-inizjattiva taċ-childcare centres tal-Gvern Laburista, jemmen li jridu jissaħħu u jiġu ffaċilitati l-opportunitajiet sabiex mara toħroġ taħdem jew tibda, jew tkompli, tistudja, partikolarment wara li jkollha l-ulied.

Fi stħarriġ li sar mill-MISCO fil-bidu ta’ Awwissu, il-maġġoranza tat-tesserati tal-Partit Nazzjonalista jippreferu lil Bernard Grech minflok lil Adrian Delia. Bħalissa qed isir due diligence fuq iż-żewġ kandidati.