“Jien kapaċi bħal ħaddieħor” – atleta nieqes mis-smigħ

Darren Zammit Lupi

Read in English.

Matthew Bugeja sostna li minkejja li għandu diżabilità huwa kapaċi bħal ħaddieħor. F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Bugeja, li huwa nieqes mis-smigħ, tkellem dwar il-kisbiet tiegħu fil-ġinnastika u l-atletika.

Hu rrakkonta kif minn meta kien għadu żgħir, il-ġenituri tiegħu kienu jħeġġuh jagħmel l-isport u kien jipparteċipa fil-fun runs. Qal li meta għalaq tmien snin, ommu kienet tieħu lilu u lil oħtu jagħmlu l-gymnastics mall-grupp tal-iSpecial Olympics. Spjega li meta ra kemm kien qed jieħu pjaċir jagħmel dan l-isport u l-imħabba tiegħu lejh kibret aktar meta kkompeta għall-ewwel darba fir-Rumanija. Hemm hu kien rebaħ midalja f’kull kategorija li kien ikkompeta fiha. Sostna li minn dakinhar, qatt ma ħares lura.

Wara li pparteċipa fil-World Games ta’ Los Angeles fl-2015 u pprova sports oħrajn u beda jara li kien qed imur tajjeb fihom. Madanakollu, l-isport l-aktar favoti tiegħu jibqa’ l-football. Ommu u missieru baqgħu jħeġġuh biex ikompli jagħmel l-isport li sostna sar parti kbira minn ħajtu.

Fl-2015 jirbaħ midalja tad-deheb fl-Los Angeles

Fil-kompetizzjonijiet internazzjonali, Matthew qal li kien jikkompeti ma’ ġinnasti li ġejjin minn pajjiżi differenti bħar-Russja, iċ-Ċina u r-Rumanija u sostna li l-kompetizzjoni dejjem kienet tkun waħda iebsa. Irrakkonta kif fl-iSpecial Olympics Summer World Games tal-2015, meta kien għad għandu 16-il sena, irnexxielu jagħmel dan. Spjega li hu qatt ma kien rebaħ midalja tad-deheb f’dawn il-logħob prestiġġjużi, qal li kien jaf li kellu sfida kbira ħafna. Spjega iżda li bid-determinazzjoni tiegħu u l-għajnuna tal-kowċ Elaine Genovese, id-Direttur Nazzjonali ta’ Special Olympics Malta Anna Calleja, u l-ġenituri tiegħu irnexxielu jirbaħ midalja tad-deheb fir-Rings.

“Fl-iskola batejt ħafna”

Matthew spjega ma’ Newsbook.com.mt li fl-iskola kien bata ħafna minħabba d-diżabilità tiegħu. Qal li ommu dejjem kienet tkun miegħu biex jagħmel il-homework u kienet tfehmu l-lezzjonijiet li jkunu saru l-iskola. Qal li ma kinitx xi ħaġa faċli li jlaħħaq ma’ sħabu metu jkun hemm “language gap”. Qal li lill-għalliema ma kienx jismagħhom sew. “Il-fatt li nagħmel l-isport għeni u jgħinni ħafna biex innaqqas il-frustrazzjoni li kont inħoss,” sostna Matthew.

Hu semma wkoll l-esperjenza tiegħu ma’ tfal oħrajn fejn jidħlu l-ħbieb. Qal li filwaqt li ħafna jiftaħru li jaċċettaw lil kulħadd, issib ħafna nies li ma jgħixux dak li qed jgħidu. Insista li meta persuni jittrattawh b’mod differenti minħabba d-diżabilità tiegħu jweġġa’ għax hu jemmen li hu kapaċi bħal ħaddieħor. Irrimarka li ħadd ma hu perfett. “Trid ittini ċans biex nurik fejn huma l-kapaċitajiet tiegħi. Nispiċċa nagħmel iktar sforz biex nuri lil dak li jkun li jien kapaċi wkoll,” sostna Matthew.

“Nies b’diżabilità bħali jistgħu jirnexxu xorta”

Matthew huwa wieħed mill-persuni li pparteċipaw fi proġett fotografiku tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) bl-isem ta’ Different is Normal. Is-CRPD kkummissjonat serje ta’ 12-il ritratt ta’ dawn il-persuni li għandhom diżabilitajiet differenti fosthom spina bifida, problemi bis-smigħ u l-vista tal-għajnejn, ADHD, awtiżmu u down syndrome. Huma qed jagħmlu numru ta’ attivitajiet differenti, bħat-teatru, żfin, logħob, bowling, għawn, fost oħrajn. Ir-ritratti ttieħdu mill-fotografu Darren Zammit Lupi u flimkien jirrappreżentaw l-aspirazzjonijiet ta’ dawn il-persuni.

Mistoqsi għaliex ħass li kellu jkun parti minn dan il-proġett, Matthew sostna li persuni li jkollhom diżabilità għandhom ukoll abbiltajiet u s-soċjetà trid tagħtihom iċ-ċans li juru din l-abbiltà. “Kapaċi naslu u nagħmlu unur lil pajjiżna anke fejn ma waslux nies li ma għandhomx diżabilità,” qal Matthew.

Mistoqsi dwar xi jfisser għalih it-titlu tal-proġett “Different is Normal”, Matthew qal li jemmen li nies b’diżabilità bħalu jistgħu jirnexxu xorta.