Filmat: Jien ir-rapport ippubblikat irrid nara mhux l-ispin – Gomes dwar Egrant

L-Ewroparlamentari Soċjalista Ana Gomes qalet lil Newsbook.com.mt li huwa importanti ħafna li r-rapport sħiħ tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja dwar Egrant ikun ippubblikat. Hija qalet li l-pubblikazzjoni hija rilevanti ħafna għax minnha jistgħu joħorġu elementi li jistgħu jwasslu biex jikxfu l-mandanti li ordnaw il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Ir-rapport sħiħ, qalet Gomes, għandu wkoll jitfa’ dawl fuq il-kontijiet fil-Panama li nfetħu mill-Ministru Konrad Mizzi u miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

“L-AĠ, l-assistent tal-PM”

F’intervista ċara u bla tlaqliq, Ana Gomes ittimbrat lill-Avukat Ġenerali bħala ‘l-assistent tal-Prim Ministru’ u qalet li jekk il-Prim Ministru tassew irid li r-rapport voluminuż ikun ippubblikat, dan isib mezz kif jippubblikah. Hija qalet li tistenna li r-rapport sħiħ ikun ippubblikat u mhux biss għażla selettiva li saret mill-Avukat Ġenerali u li kienet spinnjata mill-Gvern.

Gomes qalet li r-rapport kien imkeffen minn terms of reference speċifiċi ħafna “…l-inkjesta maġisterjali saret mill-mod kif il-Prim Ministru talab lill-Maġistrat jagħmel l-investigazzjonijiet tiegħu. Il-Maġistrat stess qal li mhux xogħolu jara ta’ min hi l-kumpanija Egrant”.

L-MEP Portugiża sejħet bħala fażull l-argument li sar spiss fil-midja Maltija dwar il-firem foloz. Hija qalet li dan huwa argument irrilevanti. Tenniet li r-rapport kollu għandu jiġi ppublikat ħalli l-verità toħroġ fid-deher. Qalet li mingħajr din il-pubblikazzjoni hija la tista’ taċċetta u lanqas twarrab il-konklużjonijiet li ħarġu s’issa.

Il-filmat u t-traskrizzjoni tal-intervista jinsabu fil-verżjoni bl-Ingliż.