Aġġornata (3): Efimova, Marlene u aktar reazzjonijiet

Maria Efimova qalet li dak li xehdet fil-każ tal-Egrant kien il-verità, u li mhijiex se tipprova tinħeba.

Dan wara li nstab li Michelle Muscat mhijiex sid il-kumpanija Egrant.

Fi Tweet indirizzata lill-Membru Parlamentari Rosianne Cutajar, wara li din kitbet tistaqsi fejn qiegħda Maria Efimova issa li ħareġ ir-riżultat tal-inkjesta Egrant, Efimova qalet li kull persuna li tifhem fil-finanzi kapaċi tirrealizza min qed jgħid il-verità u min hu mqarraq.

https://twitter.com/MariaEfimova7/status/1020995882676834304

Marlene Farrugia tgħid tagħha

Marlene Farrugia xerrdet filmat fuq Facebook li fih tikkummenta dwar ir-riżultat tal-inkjesta Egrant.

Hija qalet, “Joseph Muscat beka għall-familja tiegħu, jien u int nibku għall-pajjiżna.” Dan għaliex ir-rapport sħiħ għadu ma ġiex ippubblikat, u Farrugia saħqet li dan hu nuqqas lejn il-poplu.

Il-Kenniesa dubjużi

Il-grupp tal-attivisti Il-Kenniesa sostnew li jridu t-tweġibiet għat-3 mistoqsijiet ewlenin: min iffalsifika l-firem, x’kienu d-dokumenti fil-bagalja ta’ Ali Sadr, u l-bqija tar-rapport.

Aktar reazzjonijiet

“Dan ma jiġġustifikax kollox” – l-Alternattiva Demokratika

Fi stqarrija, l-Alternattiva Demokratika qalet li ma kinitx ikkontribwiet għad-diskussjonijiet fuq il-kumpanija Egrant jew għad-dimostrazzjonijiet pubbliċi li saru għaliex ma kien hemm l-ebda prova tal-allegazzjonijiet li l-Egrant hi tal-familja Muscat.

L-AD saħqet li jeħtieġ li ssir investigazzjoni serja dwar id-dokumenti u l-firem falsifikati.

Madankollu, il-partit insista li dan ir-riżultat m’għandux jiġġustifika kwistjonijiet oħra li ma ttiħdux passi dwarhom, bħall-każijiet ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Il-Partit Demokratiku imħasseb biż-2 partiti l-oħra

Min-naħa l-oħra, il-Partit Demokratiku ħareġ stqarrija li fiha qal li filwaqt li Joseph Muscat żamm qrib tiegħu lil Konrad Mizzi u Keith Schembri, Adrian Delia ħataf l-ewwel okkażjoni li ġietu sabiex jitfa’ lil Simon Busuttil ‘il barra.

Skont il-PD, dawn iż-żewġ partiti huma “fis-sħab,” u li huma “ħaġa waħda,” bl-istess għemil u aspirazzjonijiet.

Tħassib dwar il-Partit Nazzjonalista

L-eks kandidat tal-Partit Nazzjonalista David Thake xeħet dawl ikrah fuq il-PN fi Tweet li kiteb, li timplika li l-azzjonijiet ta’ Delia huma patronizzanti lejn Muscat.

U dwar Daphne…

Sadattant, anke iben Daphne Caruana Galizia, Matthew, kiteb Tweet indirizzata lill-ġurnalist tal-MaltaToday, Kurt Sansone, li f’artiklu miktub illum iddeskriva l-qtil ta’ Daphne bħala “unfortunate.”

L-editur tal-Business Mail ta’ Ċipru wkoll ikkummenta fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, b’rabta mal-każ tal-Egrant.