Jien aġġixxejt mill-ewwel, anki Omtzigt qabel miegħi – Farrugia

Il-Ministru Michael Farrugia qal li mhux se jirreżenja għax aġġixxa fil-ħin fuq rapport li sar minn whistleblower dwar l-abbuż fis-sahara tal-pulizija tat-traffiku.

Farrugia ħa l-ħin tal-aġġornament fil-Parlament biex jiddefendi ruħu minn dak li qal kien abbuż tal-privileġġ parlamentari mid-deputat Nazzjonalista li lbieraħ talbu jerfa’ r-responsabbiltà politika u jirreżenja.

Mingħajr ma rrefera għalih b’ismu, Farrugia kien qed jagħmel referenza għad-diskors tad-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami li lbieraħ fil-parlament stqarr “li kieku kien ministru f’pajjiż ewropew ieħor, he will just shut up and vanish”.

Huwa qal li matul id-dibattitu tal-bieraħ issemmew nies li lanqas biss jistgħu jiddefendu ruħhom peress li mhumiex membri parlamentari.

Farrugia stqarr li l-ewwel darba li sar jaf bil-każ kien fil-bidu t’Ottubru meta dak l’hekk imsejjaħ whistleblower għamel numru ta’ dikjarazzjonijiet iebsa fil-konfront ta’ sħabu. Huwa qal li tħejja rapport u dan ġie mgħoddi lill-kummissarju tal-pulizija biex jinvestiga.

“Mhux veru li qed issir witch hunt min-naħa tal-Gvern biex insiru nafu min hu l-whistleblower. Jien ma nafx min hu, la staqsejt minnu u lanqas jinteressani nkun naf min hu. Ridt inkun naf kemm hu serju dan il-whistleblower. Fil-passat kellna nies li sejħu lilhom infushom whistleblowers u li ma kienux. Però jidher li hemm ċertu sustanza fuq dak li qed jgħid,” stqarr Farrugia.

Huwa qal li aġixxa mill-ewwel fuq r-rapport u għaddiet għall-investigazzjoni.

“L-Oppożizzjoni tħobb tfaħħar u tikkwota lil (mibgħut speċjali tal-Kunsill Ewropew fuq Malta) Pieter Omtzigt. Taf x’qal Omtzigt lil The Shift News? – Il-Gvern Malti ħa azzjoni mill-ewwel biex jibdew l-investigazzjonijiet,” saħaq Farrugia.

Farrugia qal li hu aġixxa mill-ewwel mhux bħalma għamel eks-ministru Nazzjonalista li kien irrekordjat jgħid li kien hemm brimba fil-ministeru tiegħu li ma setax isib kaptu tagħha, m’għamel xejn u baqa’ f’postu.

Mingħajr ma semmieh b’ismu, Farrugia kien qed jagħmel referenza għall-eks Ministru Ċensu Galea.

“Ftit tal-ġranet ilu, din l-istess persuna ġiet ippremjata meta ngħata pożizzjoni importanti fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Jien aġixxejt mill-ewwel,” qal Farrugia.