Jieħdu ċ-ċertifikat 28 qarrej tal-provi tal-Malti

28 student kisbu ċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti f’ċerimonja li saret fil-bidu ta’ Diċembru.

Temmew b’suċċess il-kors tal-qari tal-provi bil-Malti 28 student din is-sena, li kisbu ċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti mill-Università ta’ Malta u x-Xhieda ta’ Għarfien bħala qarrejja tal-provi kkwalifikati mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Dan kien it-12-il kors universitarju f’Malta u r-4 kors f’Għawdex.

Dan il-kors universitarju ta’ Livell 5 (MQF), hu twil sena (Frar 2019 – Jannar 2020) u l-lezzjonijiet tiegħu jsiru darbtejn fil-ġimgħa. Il-kors jgħinek, fost l-oħrajn, tirrevedi l-grammatika, il-punteġġjatura u l-ortografija biex tirfina l-kitba tiegħek u jagħtik ukoll iċ-ċans tiddiskuti u tifhem aħjar ir-regoli uffiċjali tal-kitba tal-Malti. Għal dan il-għan jinkludi kemm taħriġ fil-korrezzjoni tal-Malti b’siltiet stampati, kif ukoll sessjonijiet prattiċi bil-kompjuter.

Il-kors hu mfittex minn dawk li jużaw il-Malti f’xogħolhom, bħas-segretarji tas-settur pubbliku u privat, il-ħaddiema tal-kunsilli lokali u l-parroċċi, ix-xandara u l-ġurnalisti, l-għalliema, l-uffiċjali tal-komunikazzjoni, it-tradutturi, u kull min jixtieq iħossu iżjed kunfidenti jikteb bil-Malti.

L-applikazzjonijiet għall-kors li jmiss jibda fi Frar 2019 fetħu diġà u jibqgħu jintlaqgħu sal-Ġimgħa, 11 ta’ Jannar 2019, fis-2:00pm. Il-formola tal-applikazzjoni timtela u tintbagħat mis-sit tal-Università hawnhekk.

Tagħrif ieħor fuq il-kors u l-applikazzjoni ssibu mis-sit tal-Kunsill tal-Malti www.kunsilltalmalti.gov.mtjew mis-sit: www.um.edu.mt/arts/malti/avvizi/cqp. F’każ li jkollok xi mistoqsija, ikteb fl-indirizz provi-malti.arts@um.edu.mt