Jidħol mgħammad u armat f’ħanut f’Ħal Tarxien

RIU

Raġel mgħammad u armat wettaq serqa minn ħanut f’Ħal Tarxien. Il-każ seħħ għall-ħabta tan-12.30pm fi Triq Karlu Maratta.

Ir-raġel, li kellu arma li taqta’ u bil-ponta, allegatament daħal fil-ħanut u talab il-flus lill-kaxxiera, mara ta’ 27 sena minn Ħaż-Żabbar. Huwa ħarab minn fuq il-post b’€100 fi flus kontanti.

Fil-ħin tas-serqa fil-ħanut kien hemm impjegata oħra, Tuneżina ta’ 46 sena, residenti Bormla.

Ħadd ma weġġa’ f’dan il-każ, iżda l-impjegati sofrew minn xokk u ssejħet ambulanza.