Jidħlu l-€400 tal-istudenti Għawdxin fil-kontijiet tal-bank

L-istudenti Għawdxin li jistudjaw Malta irċivew is-sussidju ta’ €400 li jkopri l-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena akkademika.
B’differenza mis-snin ta’ qabel, din is-sena l-Gvern qed jiddepożita dan is-sussidju direttament fil-kont bankarju tal-istudenti. 
Il-pagament li rċevew l-istudenti lbieraħ huwa l-ewwel minn tliet pagamenti li l-istudenti Għawdxin jingħataw kull sena.
B’kollox, f’sena akkademika l-istudenti Għawdxin li jistudjaw Malta jingħataw €1,200 bħala kumpens għall-ispejjeż marbuta mal-akkomodazzjoni u t-trasport.
Kien Newsbook.com.mt li f’Ottubru li għadda, wara intervista ma’ Jonathan Mintoff mill-Grupp Universitarju Għawdxin, ħabbar li l-istudenti kienu se jibdew jirċievu l-flus dirett fil-bank minflok b’ċekk.