Jidħlu fis-seħħ sanzjonijiet Amerikani fuq l-IRISL fil-ġlieda kontra t-tixrid tal-armi mill-Iran

REUTERS/File Photo

Is-sanzjonijiet Amerikani imposti fuq in-netwerk ta’ tbaħħir Iranjan daħlu fis-seħħ xhur wara li tħabbru fid-dawl ta’ akkużi li dawn qed jintużaw biex jagħtu appoġġ lit-tixribd ta’ armi tad-distruzzjoni tal-massa.

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan Mike Pompeo wissa lill-industriji kummerċjali u marittimi kif ukoll lill-gvernijiet oħra madwar id-dinja li huma wkoll setgħu jiġu sanzjonati jekk iwettqu negozju mal-kumpanija Islamic Republic of Iran Shipping Lines (IRISL) u s-sussidjarja tagħha, ibbażata f’Shaghai, E-Sail Shipping Company.

Id-Dipartiment tal-Istat fakkar li kien ħabbar dawn il-miżuri f’Diċembru li għadda iżda ppermetta li jidħlu fis-seħħ kważi sitt xhur wara biex l-esportaturi ta’ prodotti umanitarji jsibu metodi alternattivi biex iwasslu l-kunsinni tagħhom. “Dawn is-sanzjonijiet huma twissija ċara li kull min jagħmel xi forma ta’ negozju jew jappoġġja lill-IRISL jew E-Sail se jkun espost għas-sanzjonijiet u jkun qed jirriskja li qed jgħin lill-programmi ta’ tixrid tal-armi tal-Iran, inkluż programi nukleari u missilistiċi”, qal Pompeo fi stqarrija.

Huwa talab lill-Gvernijiet madwar id-dinja biex jinvestigaw attività minn entitajiet marittimi fil-portijiet u l-ibħra tagħhom, u inkoraġġihom biex jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa biex titwaqqaf l-attività.

Id-Dipartiment tal-Istat akkuża lill-IRISL li b’mod regolari ttrasportat prodotti marbuta mal-programmi nukleari u tal-missili, kif ukoll affarijiet oħra marbuta mal-profilerazzjoni tagħhom.

F’Diċembru, Pompeo qal li E-Shipping Company “b’mod konxju tittrasporta materjal illegali mill-Organizazzjoni AeroSpazjali Iranjana li hija responsabbli għall-industrija tal-missili tal-Iran” u sostna li din ħadmet ukoll ma’ organizzazzjonijiet Iranjani li huma suġġetti għal sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti.