Jidħlu fis-seħħ regolamenti ġodda ta’ residenza li jwasslu għal ċittadinanza

Il-Gżejjer Maltin se jkunu qed jimplimentaw regolamenti ġodda li jistgħu jwasslu għaċ-ċittadinanza. Dawn ir-regolamenti jqisu wkoll ir-rakkomandazzjonijiet li għamlet il-Kummissjoni Ewropea.

Fost dawn ir-regolamenti se tkun qiegħda titwaqqaf aġenzija ġdida bl-isem ta’ Komunità Malta li se tkun qed tamministra materji relatati maċ-ċittadinanza f’Malta. L-Aġenzija li qabel kienet tieħu ħsieb il-Programm ta’ Investiment Individwali mhux se tibqa’ topera minn Jannar 2021.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Alex Muscat qal li huwa dritt ta’ kull pajjiż Ewropew li jiddeċiedi waħdu min huma l-individwi li jemmen li għandhom jirċievu ċ-ċittadinanza. Żied li hemm aktar minn 600,000 individwu li jsiru ċittadini Ewropew kull sena bi skrutinju minimu ħafna. Muscat kompla li mill-impenn bla preċedent ta’ Malta biex tirriforma l-liġijiet u tkompli tħares il-valuri Ewropej, Malta qed timplimenta regolamenti li jmorru lil hinn minn dak li jagħmlu ħafna stati membri Ewropej oħra biex jiskrutinizzaw l-applikanti għaċ-ċittadinanza. Saħaq li Malta mhux lesta ċċedi għal dan id-dritt sagrosant.

Huwa semma li mill-Programm ta’ Investiment Individwali, l-investiment f’sitt snin kien ta’ €1.5 biljun.

L-aġenzija l-ġdida se tkun qed tamministra l-mezzi legali kollha li jwasslu għall-kisba taċ-ċittadinanza Maltija.

Dawn jinkludu:

  • ċittadinanza b’dixxendenza
  • ċittadinanza permezz ta’ mertu
  • ċittadinanza permezz ta’ naturalizzazzjoni permezz ta’ residenza fit-tul
  • ċittadinanza permezz ta’ servizz eċċezzjonali bil-mertu
  • ċittadinanza permezz ta’ servizz eċċezzjonali b’investiment f’Malta.

L-aġenzija l-ġdida se jkollha s-setgħa li tipprovdi informazzjoni lill-Kummissarju għat-Taxxi Interni, l-FIAU, l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji u l-Kummissarju tal-Pulizija. L-Aġenzija se jkollha s-setgħa wkoll li tiżvela informazzjoni lill-awtoritajiet lokali jew barranin ta’ infurzar jew regolatorji jew aġenziji tal-pulizija.

Is-Segretarju Parlamentari spjega li l-qafas legali l-ġdid, li ġie introdott f’Novembru, jikkunsidra s-sett ta’ rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea, fosthom li:

  • L-applikanti ma jistgħux japplikaw għaċ-ċittadinanza immedjatament wara li jiksbu l-istatus ta’ residenti legali f’Malta.
  • L-applikanti jitħallew japplikaw biss għaċ-ċittadinanza wara li jkollhom status ta’ residenti legali għall-perjodu ta’ tliet snin, bl-eċċezzjoni ta’ investiment ogħla, fejn jistgħu japplikaw wara sena.
  • L-applikanti huma obbligati li jgħaddu minn eżerċizzju ta’ due diligence rigoruż qabel ma jkunu eliġibbli biex japplikaw għaċ-ċittadinanza Maltija.
  • Sejbiet ta’ irregolaritajiet jistgħu jiġu kkomunikati ma’ networks xierqa, bħal Egmont u servizzi ta’ sigurtà għal koperazzjoni mal-UE kollha, sabiex jiġi miġġieled il-ħasil tal-flus u r-riskji kollha relatati mas-sigurtà.
  • L-Aġenzija se twettaq eżerċizzju xieraq ta’ assessjar tar-riskju relatat ma’ kull applikazzjoni.
  • L-Aġenzija se tiżgura li s-sors tal-fondi tal-applikant huwa leġittimu. Se tagħti l-attenzjoni dovuta biex tiżgura ruħha li ma jkunx hemm ħasil tal-flus, u li ma jkunx hemm finanzjament ta’ terroriżmu.
  • Ir-regolamenti l-ġodda eliminaw il-perjodu ta’ ħin li jillimitaw iż-żmien li matulu l-Aġenzija għandha twettaq due diligence.
  • Din id-due diligence għandha ssir fuq il-membri adulti tal-familja kollha fl-applikazzjoni.
  • In-numru ta’ applikanti li jirnexxu qed ikun limitat għal 1,500 b’kollox, b’mhux aktar minn 400 fis-sena

Numru limitat ta’ professjonisti se jkunu liċenzjati bħala aġenti, dawn huma: avukati, awdituri, accountants pubbliċi u konsulenti finanzjarji liċenzjati.

Dan se jkun qiegħed jiżgura li d-detenturi tal-liċenzja jkunu familjari sewwa mal-ħasil tal-flus, il-legaliżmi finanzjarji u d-direttivi kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu. Muscat kompla li l-aġenti għandhom jippreżentaw ċertifikat ta’ kondotta kriminali nadifa. L-aġent għandu jkun soġġett għad-due diligence mill-Aġenzija, kemm fuq applikazzjoni kif ukoll kull sena wara. Jekk aġent ma jkunx għadu adattat wara l-perjodu stabbilit, il-liċenzja ma tiġġeddidx awtomatikament.