Jidħlu fis-seħħ ir-regoli tal-kwarantina għall-ivvjaġġar fir-Renju Unit

Fir-Renju Unit daħlu fis-seħħ regoli ġodda li jirrikjedu li kull min jasal fir-Renju Unit għandu jżomm lilu nnifsu fi kwarantina għal 14-il ġurnata.

Dawk li jaslu bl-ajruplan, bil-vapur jew bil-ferrovija – inkluż persuni ta’ nazzjonalità Brittanika – se jkollhom jipprovdu indirizz fejn se jibqgħu fi kwarantina, u kull min jikser ir-regoli jiffaċċja multi li jitilgħu sa £1,000.

Is-Segretarju għall-Istat Priti Patel qalet li l-liġijiet huma maħsuba biex “jipprevjenu mewġa ġdida” tal-coronavirus.

Iżda xi industriji lmentaw li huma se jintlaqtu tassew ħażin minn dawn ir-regoli.

Persuni li ġejjin mir-Repubblika tal-Irlanda, iċ-Channel Islands jew l-Isle of Man m’għandhomx għalfejn jimlew il-formola jew jagħmlu l-perjodu ta’ kwarantina.

Hemm ukoll eżenzjonijiet għal ħaddiema f’ċerti industriji bħal dawk li joperaw servizzi ta’ trasport stradali u professjonisti mediċi li jipprovdu l-kura meħtieġa.

Mal-wasla tagħhom, il-vjaġġaturi l-oħra kollha jridu jimlew dokument “li jindika fejn jinsabu minħabba raġunijiet ta’ saħħa pubblika”. Jekk jonqsu milli jagħmlu dan huma jistgħu jiffaċċjaw penali li tasal sa £1,000, inkella jista’ jkun li l-vjaġġaturi ma jitħallewx jidħlu fil-pajjiż.

Jekk ma jkunux jistgħu jipprovdu indirizz, il-gvern jipprovdi akkomodazzjoni li trid titħallas mill-vjaġġatur. Se jkun hemm ukoll kontrolli biex ikun żgurat li r-regoli qed jiġu segwiti.

Fejn ikun possibbli,  in-nies iridu jsuqu l-karozza tagħhom stess biex jaslu fid-destinazzjoni tagħhom, u ladarba jaslu ma jistgħux jużaw it-trasport pubbliku jew taksis.

Huma ma jistgħux imorru x-xogħol jew jattendu l-iskola, ma jistgħux iżuru postijiet pubbliċi u ma jistgħux jiltaqgħu ma’ ħaddieħor – sakemm mhux meħtieġ għal raġunijiet ta’ sapport essenzjali.

Il-passiġġieri fi tranżitu, li ma jgħaddux mill-kontrolli mal-fruntiera, huma wkoll fost il-gruppi li huma eżenti minn iżolament mandatorju.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn